Il-grupp Transparency International EU, li huwa parti minn moviment globali kontra l-korruzzjoni, appella mill-ġdid biex il-ħatra taċ-Chief of Staff tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, it-Taljan Alessandro Chiocchetti, bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Parlament tiġi rrevokata, din id-darba fid-dawl tal-fatt li jirriżulta li aktar kmieni din is-sena kellu mill-inqas żewġ laqgħat mal-awtoritajiet tal-Qatar.
It-Transparency International EU kien qed jitkellem fid-dawl tal-iskandlu li din il-ġimgħa riegħed lil Brussell u lill-Ewropa wara li l-pulizija Belġjana arrestat lil waħda mill-Viċi Presidenti ta’ Metsola, il-Griega Eva Kaili, b’rabta ma’ każ ta’ korruzzjoni mill-Qatar. L-avukat ta’ Kaili ddikjara li hija kienet qed timplimenta pjan usa’ tal-UE u li kienet qed timxi skont l-ordnijiet tal-President, Roberta Metsola.
Chiocchetti għandu jibda fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew mill-1 ta’ Jannar, wara manuvri li saru minn wara l-kwinti bejn it-tmexxija tal-Parlament u gruppi politiċi Ewropej biex jilħaq hu minflok kandidati li kienu manifestament aktar kwalifikati.
Kemm it-Transparency International EU kif ukoll grupp ieħor kontra l-korruzzjoni, The Good Lobby, kienu diġà appellaw biex il-ħatra ta’ Chiocchetti bħala Segretarju Ġenerali ma sseħħx, wara l-iskandlu tal-ftehim li sar wara bibien magħluqa. Wara dak il-ftehim, fil-Parlament inħoloq Direttorat Ġenerali ġdid li ħafna jsostnu li ma kienx hemm bżonnu, u l-ogħla karigi tiegħu ngħataw lill-mexxejja tal-gruppi politiċi li appoġġjaw il-ħatra taċ-Chief of Staff ta’ Metsola f’din l-aktar kariga amministrattiva li għandha setgħa f’din l-istituzzjoni Ewropea.
F’Lulju, id-Direttur tat-Transparency International EU, Michiel van Hulten, iddeskriva l-manuvri li kienu qed isiru mit-tmexxija tal-Parlament Ewropew bħala turija sfaċċata ta’ korruzzjoni instituzzjonali li se twassal biss biex tkompli tiġi imminata l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fil-Parlament Ewropew. Madankollu, il-grupp ilmenta li l-unika azzjoni li ttieħdet kienet li rċieva ittra ostili min-naħa ta’ Metsola li fiha pinġiet il Chiocchetti bħala l-vittma ta’ persekuzzjoni.
It-Transparency International EU qalet li huwa magħruf ukoll li, għal xi raġuni, Eva Kaili, li bħalissa tinsab arrestata, dakinhar ma mxietx mal-linja tal-grupp politiku tagħha biex ivvutat favur il-ħatra taċ-Chief of Staff ta’ Metsola bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid.
Il-grupp kontra l-korruzzjoni qal li, fid-dawl tal-iskandlu ta’ korruzzjoni ta’ bħalissa, din l-informazzjoni ġdida dwar Chiocchetti tfisser li l-ħatra tiegħu bħala Segretarju Ġenerali għandha titħassar immedjatament, bħala miżura ta’ prekawzjoni.
Qal ukoll li, bħala parti mill-investigazzjoni li qed jagħmlu, l-awtoritajiet għandhom jistħarrġu l-allegazzjonijiet ta’ qerq fid-deċiżjoni li ħa l-Bureau tal-Parlament Ewropew biex Chioccetti ntgħażel biex ikun is-Segretarju Ġenerali l-ġdid.