Il-Gvern jinnota b’dispjaċir li l-Kap tal-Oppożizzjoni pprova jdawwar att kundannabbli tad-desakrazzjoni ta’ Quran f’ballun politiku meta hu jaf li, bl-emendi li għaddew favur iktar libertà tal-espressjoni, fl-ebda punt ma ġiet permessa t-tixrid tal-mibgħeda reliġjuża.
Fi stqarrija, l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali nnota li bl-emendi li saru l-kritika u s-satira huma permessi fil-limiti tal-istat demokratiku, imma kull reliġjon jibqa’protett kontra l-mibgħeda; il-liġi relattiva ġiet saħansitra msaħħa minn dan il-Gvern bis-saħħa tal-istess emendi.
Fil-fatt, jekk wieħed jinsulenta r-reliġjon b’mod li Qorti tqis li juri ħsieb li jqanqal mibgħeda jew vjolenza abbażi tar-reliġjon, allura jkun twettaq reat serju ħafna, indipendentament minn xi jkun ir-reliġjon.
Wieħed jistenna li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jippolitiċizzax kwistjoni serja bħal din u jippronunzja ruħu korrettament.