Wara t-traġedja tal-qtil t’ommha, waħda mill-ulied ta’ Caroline Magri, esprimiet is-sogħba tagħha għal dawk li għaddew minnhom hi u ħutha fl-aħħar jiem. F’żewġ posts fuq il-profil tagħha fuq facebook, it-tfajla tellgħet ritratti tagħha ma’ ommha, wieħed riċenti u ieħor mill-passat.
“Anġlu tiegħi, nħobbok għal dejjem”
Pronti kienu l-messaġġi tan-nies li ħeġġewha tagħmel kuraġġ f’dan il-mument tant diffiċli. Din kienet l-ewwel bint li waslet fuq il-post u identifikat lill-vittma u li mal-ewwel bdiet tgħajjat qatluli l-mummy.
Il-Pulizija qed iżżomm raġel barrani ta’ 33 sena residenti Tas-Sliema sabiex jgħinha fl-investigazzjonijiet tagħha b’rabta ma’ dan id-delitt li seħħ f’San Ġiljan.
Il-mara ta’ 41 sena li kienet vittma ta’ omiċidju kellha feriti f’għonqa deskritti minn persuni qrib l-investigazzjoni bħala tħanxir filwaqt li kellha wkoll feriti f’żaqqha.
Id-dettalji li għandu one.com.mt ikomplu jikkonfermaw kemm il-qtil kien wieħed makabru bix-xena tad-delitt tkun deskritta bħala waħda makabra. Fl-aħħar sigħat kienet qed issir l-awtopsja li mistennija tkompli titfa’ iktar dawl fuq l-istħarriġ li qed isir.
Stħarriġ li jinkludi wkoll inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera.