Angel Attard ta’ 40 sena residenti l-Birgu qed jiġi akkużat li lbieraħ filgħaxija sawwat Pulizija f’San Ġiljan. L-akkużat jipprattika l-arti marzjali u mhux l-ewwel darba li xellef difrejgħ mal-Qorti b’akkużi simili. F’wieħed minn dawn l-inċidenti l-akkużat waqqaf sewwieq ta’ bowser u qabad isawtu.
L-avukat difensur talab li l-akkużat jinħeles mill-arrest għaliex dan kien sempliċi każ ta’ ‘road rage’ u li l-argument beda minħabba l-Pulizija li ġibed l-attenzjoni tas-sewwieq għas-sewqan perikoluż meta ma kienx xogħol.
L-ispettur Matthew Spagnol qal li Attard ried “Li jfottilu wiċċu.” Filfatt, il-vittma sofra minn ġrieħi gravi f’wiċċu. Il-Prosketur sostna, li l-imputat m’għandu l-ebda rispett lejn l-Awtoritajiet u li kien involut f’każijiet li jmorru kontra l-liġi għal bosta drabi.
L-avukat difensur Carm Mifsud Bonnici qal li l-Qorti semgħet biss il-verżjoni tal-vittma u li Attard ukoll ma ġiex trattat tajjeb mill-Pulizija. Huwa sostna li minħabba n-natura tax-xogħol tiegħu, li jippermettilu li jaħdem ħinijiet flessibli, kien possibbli li jobdi kundizzjonijiet stretti tal-libertá proviżorja
Il-Maġistrat Anthony Vella ċaħad il-ħelsien mill-arrest hekk kif l-akkużat ma tax biżejjed garanzija biex ikun jista’ jingħata l-ħelsien mill-arrest.