Angelo Xuereb hu r-rebbieħ tal-Premju tal-Entrepreneur of the Year™ ta’ EY Malta filwaqt li Shane Hunter rebaħ il-Premju nazzjonali ta’ EY Rising Star
San Ġiljan, 22 ta’ Marzu 2018 – Angelo Xuereb, iċ-Chairman ta’ AX Holdings, rebaħ it-tieni edizzjoni tal-Malta EY Entrepreneur of the Year™. F’Ġunju li ġej, Angelo Xuereb se jmur Monaco biex jirrappreżenta lil Malta u jikkompeti għall-EY World Entrepreneur of the Year™ Award fimkien ma’ mexxejja ewlenin tan-negozju ġejjin minn aktar minn 60 pajjiż. Il-lista tar-rebbieħa tal-passat f’Monaco tinkludi uħud mill-iktar imprendituri influwenti minn firxa wiesgħa ta’ negozji bħal Amazon, Cirque du Soleil u LinkedIn.
Shane Hunter mill-Grupp AquaBioTech rebaħ il-Premju ta’ EY Rising Star ta’ din is-sena u hu ukoll se jkun qed jattendi ċ-ċerimonja f’Monaco f’Ġunju li ġej.
Ronald Attard, Managing Partner ta’ EY Malta qal: “Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Premju ta’ Entrepreneur of the Year™ ta’ EY Malta attira nominazzjonijiet ta‘ kwalità minn setturi differenti ħafna. Dan jenfasizza ukoll id-diversità li teżisti fl-ekonomija ta’ Malta, element li għandna nkunu kburin bih u li għandna nkomplu nsaħħu. Filwaqt li nifraħ lis-sur Xuereb u lis-sur Hunter, nixtieq nirringrazzja għal darb’oħra lill-parteċipanti kollha, u lill-membri tal-ġurija indipendenti, li taw sehemhom biex dan l-avveniment, għal darb’oħra, jerġa’ jkun ta’ suċċess.”
Apparti mir-rebbieħa, il-finalisti l-oħra kienu Matthew Borg minn Studio Moda Group, Zak Borg u Benji Borg minn ANCHOVY., David Felice, David Drago u Konrad Buhagiar minn Architecture Project, Alex Mifsud minn Ixaris, Frank Salt minn Frank Salt Real Estate, Joseph Sultana u Dr John Abela minn Ascent Software, u Marlon Grech minn Thynk Software.
EY ilha torganizza il-premjijiet tal-Entrepreneur of the Year™ fuq bażi globali għal dawn l-aħħar tletin sena. Mifruxa f’iktar minn 60 pajjiż, EY ħolqot netwerk internazzjonali ta’ 50,000 imprenditur u huma l-punt ta’ referenza globali li jirrifletti l-ispirtu imprenditorjali tal-lum u ta’ għada. Aktar minn ħamsin fil-mija fost l-aqwa 100 kumpanija NASDAQ tal-lum rebħu l-Premju tal-Entrepreneur of the Year, u ħafna minnhom irċevew il-premju qabel ma kisbu posthom mal-ogħla 100 kumpanija.