Angelo Gafà nħatar uffiċjalment Kummissarju tal-Pulizija, wara li it-Tnejn wara nofsinhar sar l-iskrutinju u l-approvazzjoni mill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.
Din il-ħatra ssegwi sejħa pubblika u sussegwentament proċess ta’ għażla mmexxi mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, fejn din hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta li l-Kummissarju tal-Pulizija nħatar b’dan il-mod.
Fi stqarrija, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal kif din il-bidla kienet waħda pożittiva li kienet rikonoxxuta fir-rapport tal-Kummissjoni Venezja dwar il-governanza.
Huwa kompla jgħid f’din l-istqarrija kif din il-bidla hi waħda minn sensiela ta’ riformi li qed iseħħu fil-Korp tal-Pulizija.
Il-Ministru Camilleri qal kif din hi waħda mill-bidliet ewlenin li pajjiżna għamel fl-ewwel xhur ta’ din is-sena, fejn intbagħat messaġġ ċar li l-politiku kien lest jitlaq il-poteri li dejjem kellu f’idejh.