Angelo Gafà ġie approvat biex ikun Kummissarju tal-Pulizija.
Dan wara li fi proċess miftuħ u trasparenti, il-Kumitat Parlamentari tal-Ħatriet Pubbliċi għamillu diversi mistoqsijiet b’rabta mal-ħidma tiegħu fil-Korp.
Angelo Gafà kien il-kandidat li ġie referut għall-ogħla kariga fil-Korp wara li l-Kabinett tal-Ministri kkunsidra ż-żewġ kandidati li tressqu mill-organu Kostituzzjonali indipendenti, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Din il-Kummissjoni għarblet l-14-il kandidat li ressqu ’l quddiem wara sejħa pubblika li saret għall-ewwel darba biex timtela’ l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.
L-introduzzjoni tas-Sur Gafà f’sagħtejn ta’ skrutinju Parlamentari mill-ewwel uriet il-viżjoni ċara li għandu għall-futur tal-Korp tal-Pulizija.
Saħaq li s-suċċess tal-Korp ma jiddependix biss mill-membri u l-uffiċjali fi ħdanu, imma biex ikun effettiv f’xogħlu, irid isaħħaħ il-fiduċja tal-poplu fil-Korp tal-Pulizija.
Huwa qal: “Il-missjoni tal-Korp hija li nħarsu li nżommu lil Malta bħala stat sigur. Dak ifisser li l-missjoni prinċipali tagħna mhux li nsolvu r-reati – dawk iva, nagħmluhom – però prinċiparjament li nipprevjenu l-kriminalità in the first place u biex nagħmlu dan, nistgħu nipprevjenuha biss jekk il-poplu jkun partner magħna fix-xogħol tagħna.”
Meta mistoqsi jekk jaħsibx li għandu l-kwalitajiet meħtieġa biex jirreżisti kwalunkwe indħil politiku, il-kandidat riferut għall-ogħla kariga fil-Korp kien ċar.
Is-Sur Gafà wieġeb: “Kemm ili fil-Korp tal-Pulizija mill-2003, naħseb li dejjem imxejt b’dan l-eżempju: li ma nħares lejn wiċċ ħadd u ġaladarba tibgħat dal-messaġġ mill-ewwel, ħadd ma jazzarda jiġi jħabbatlek il-bieb.”
Is-Sur Gafà saħaq li l-Korp tal-Pulizija għandu jinvestiga kull tip ta’ allegazzjoni: “Il-Korp tal-Pulizija jrid jinvestiga kwalunkwe allegazzjoni li tiġi għall-attenzjoni tiegħu. M’għandna qatt, u Allaħares, nistennew lil xi politiku biex jgħidilna biex ninvestigaw. Ġaladarba jkun hemm nitfa ħjiel li seta sar reat kriminali, għandna ninvestigaw.”
B’ton kalm iżda sod u bi 17-il sena esperjenza fil-Korp, is-Sur Gafà rrikonoxxa li kien hemm affarijiet li setgħu saru aħjar, u fost l-oħrajn semma l-każ tal-allegat abbużi mill-extra duty fit-Taqsima tal-Pulizija tat-Traffiku. Hawnhekk qal li kien hu stess li ġibed l-attenzjoni internament dwar il-mod kif kienet qed titħaddem is-sistema.
Fost l-impenji li kkommetta ruħu li jsaħħaħ is-Sur Gafà hemm il-komunikazzjoni mal-pubbliku, il-komunikazzjoni mal-midja, il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u l-abbużi online.
Intant, l-Oppożizzjoni għamlet bojkot u ma daħlitx għal dan l-iskrutinju li qed jixxandar fuq it-televiżjoni.
B’rabta mal-aġir tal-Oppożizzjoni kien hemm krititka qawwija anki mill-midja indipendenti li sejħet lill-Oppożizzjoni ta’ Delia bħala waħda li qed tagħmel bħat-tfal u disservizz lill-pajjiż meta ma tidħolx u ssaqsi l-mistoqsijiet u tiskrutinizza lis-Sur Gafà.