Twieldet f’familja mużikali. Ommha Laura Valente tal-Mattia Bazar u missierha Mango. Ta’ 22 sena rebħet l-74 edizzjoni tal-festival ta’ Sanremo. Angelina Mango rebħet il-festival tal-kanzunetta Taljana bil-kanzunetta La noia. Fit-tieni post ġie Geolier, li l-interpretazzjoni tiegħu bid-djalett Taljan ġibed ħafna l-vot tal-pubbliku.
Il-favorita netta qabel beda l-festival kienet Annalisa b’Sinceramente u li l-kanzunetta tagħha tibqa’ waħda tal-widna u b’potenzjal li tibqa’ tissemma. Fuq kollox kien festival grandjuż mill-istazzjon RAI bi spettaklu mill-aqwa tul ħamest iljieli. Fil-finali serqet ukoll ix-xena Gigliola Cinquetti, sittin sena wara li rebħet il-Eurovision Song Contest b’Non ho l’età. B’rabta mal-Eurovision issa Angelina Mango se tirrappreżenta l-Italja fl-edizzjoni li jmiss f’Mejju li ġej f’Malmo, l-Iżvezja. Loredana Bertè, Fiorella Mannoia u Angelina Mango rebħu wkoll premjijiet importanti fosthom dawk mogħtija mill-mużiċisti tal-orkestra u l-ġurnalisti preżenti f’Sala Stampa f’Sanremo.L-unuri marru wkoll għal Amadeus u Fiorello, tal-ewwel il-preżentatur u d-direzzjoni tal-produzzjoni fdata lilu għall-ħames sena konsekuttiva u għall-aħħar darba. It-tnejn kienu koppja mill-aqwa li ħallew marka li diffiċli titħassar fuq Sanremo. Amadeus deher emozzjonat ħiereġ mit-Teatru Ariston fi tmiem il-festival sbieħ il-Ħadd. “Ti ama per sempre, Sanremo”, qal Amadeus u żgur li l-telespettaturi ħabbewh u sellmulu hu u ħalla Sanremo b’karozzella.