L-attriċi Amerikana Angelina Jolie wriet interess li tidħol fil-politika. F’intervista fuq ir-radju tal-BBC il-Ġimgħa filgħodu, qalet li sa 20 sena ilu, il-politika kienet l-aħħar ħaġa fuq moħħha, iżda issa li ħadmet snin twal mal-Aġenzija tar-Refuġjati tal-UN, ħsibijietha nbidlu.
Tant hu hekk, li waqt l-aħħar intervista tagħha, Jolie għażlet li titkellem fuq is-sitwazzjoni politika fl-Istati Uniti, il-vjolenza domestika, il-midja soċjali, u l-kriżi tar-refuġjati madwar id-dinja.
“Jien kapaċi naħdem mal-Gvern. Fejn hemm bżonn li mmur, immur, u naħseb li ninsab f’pożizzjoni komda ħafna fejn jien kapaċi nagħmel ħafna affarijiet”.
Tul din l-istess intervista, ma ssemma xejn fuq il-karriera twila tagħha quddiem il-kamera u fuq il-palk, jew ir-relazzjoni problematika tagħha mal-attur Brad Pitt.