Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul sostna li, bl-azzjonijiet tagħha, l-Oppożizzjoni trid tneħħi d-dritt ta’ dan il-Gvern li jmexxi l-pajjiż.
Hu kien qed jirreaġixxi għal kif id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina rrapportah lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, għax deher f’filmat fuq il-paġna ta’ Facebook tad-Djalogu Soċjali dwar it-tnedija tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena.
F’dan il-filmat, in-nies ġew imħeġġa jinnominaw persuni għal dan il-premju fejn jiġu rikonoxxuti l-bżulija ta’ ħaddiema minn kull qasam tal-ħajja.
Dr Ellul qal li kien dan il-Gvern li ħoloq strutturi bħal dik ta’ Kummissarju għall-Istandards. Hu tenna li, iżda, il-Partit Nazzjonalista u sħabu jridu jużawhom biex mingħalihom joħonqu l-ħidma tal-Gvern.
“Ħidmietna se tibqa’ għaddejja b’saħħa f’kull settur, man-nies u viċin in-nies”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.