Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali irrapreżenta lil pajjiżna fis-sitt plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li ttellgħet fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Fl-intervent tiegħu, f’konferenza li qed isservi biex tisma’ liċ-ċittadin Ewropew, Ellul tenna kif Malta hija kuntenta bl-attenzjoni li l-Unjoni Ewropea qed tagħti lill-isfida tal-migrazzjoni.
Fil-fatt, is-Segretarju Parlamentari ipparteċipa ukoll fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Konferenza dwar il-Migrazzjoni. Hawnhek enfasizza l-fatt li l-migrazzjoni hija waħda mill-akbar sfidi li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea u li qed tiggrava minħabba l-iżviluppi tal-Gwerra fl-Ukrajna.
Dan minkejja li pajjiżi li jinsabu fil-periferija tal-Unjoni Ewropea, b’mod speċjali pajjiżna ilhom jaffaċċjaw din l-isfida.
Andy Ellul appella għal progress tanġibbli u konkret fid-diskussjonijiet leġislattivi li qed isiru b’rabta mas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Hawnhekk għandu jibqa’ jinstab il-bilanċ bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà.
F’għeluq l-intervent tiegħu, Ellul irrimarka kif l-isforzi fuq livell intern bejn l-Istati Membri, m’għandhomx jillimitaw il-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi terzi, liema oqsma jeħtieġu għaġir ħolistiku. Dan sabiex jippromwovu l-migrazzjoni legali u jnaqqas il-qsim irregolari.