Il-leġġenda tal-logħba tal-ballun Andriy Shevchenko kellu kliem mill-isbaħ biex ifaħħar il-mod ta’ kif pajjiżna laqa’ numru ta’ refuġjati Ukreni li ħarbu minn pajjiżhom kawża tal-gwerra.
Dan waqt żjara li hu għamel fl-Iskola Primarja ta’ Santa Klara f’San Ġwann, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima.
Fil-fatt, Andriy Shevchenko, li jibqa’ magħruf għall-prestazzjonijiet mill-aqwa li kellu ma’ timijiet bħal AC Milan, Chelsea u anke t-tim nazzjonali tal-Ukrajna, ġie milqugħ minn numru sabiħ ta’ studenti li ħafna minnhom kienu lebsin il-flokkijiet tat-timijiet li kien jilgħab magħhom.
Filwaqt li indirizza lill-istudenti u anke qatta’ ħin magħhom, Shevchenko rringrazzjahom talli fi ħdanhom laqgħu numru ta’ studenti Ukreni li sabu refuġju f’pajjiżna.
Dan l-istess messaġġ, Shevchenko sostnih ma’ ONE News, hekk kif irrimarka d-diffikultajiet li għaddej minnhom il-poplu Ukren.
Qal, “It’s important for us that we have such a warm welcome from Malta and also that collaboration with the school that hosts Ukrainian children and helps them with education and also integrates in society. It’s very important for us because we are facing a very difficult moment in our history.”
Mil-lat sportiv, Shevchenko rrefera wkoll għal-logħba tat-tim nazzjonali Ukren kontra Malta. Logħba li s-sofor u l-bluni rebħuha bi skor ta’ 3-1, minkejja li kienu minn taħt fl-ewwel taqsima.
Fil-fatt, Shevchenko rrimarka l-logħba pożittiva tat-tim nazzjonali Malti, filwaqt li sostna kif din ir-rebħa kompliet tqarreb lit-tim Ukren lejn il-kwalifikazzjoni għall-kompetizzjoni tal-EURO 2024 u li se tkun qed tintlagħab fil-Ġermanja.
Qal, “We played a very good match yesterday, but I think that Malta played a very good first half. It put us under a lot of pressure, we conceded the goal in the first half and Malta had another couple of chances but second half we controlled the game.”
Shevchenko beda l-karriera tiegħu mal-klabb Ukren tad-Dynamo Kyiv. Hemmhekk rebaħ il-kampjonat għal ħames darbiet sakemm iffirma ma’ AC Milan fejn hemm stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa attakkanti fl-Ewropa. Hemmhekk hu rebaħ ukoll il-UEFA Champions League.
Intant, Shevchenko hu l-aktar plejer li sab ix-xibka għat-tim nazzjonali Ukren, filwaqt li mexxihom sal-fażi tal-kwarti tal-finali fil-kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2006.
Wara li rtira fl-2012, hu daħal għall-ħajja politika hekk kif ikkontesta l-elezzjonijiet tal-2012, madankollu l-Partit li kkontesta miegħu, Ukraine-Forward, naqas milli jikseb rappreżentanza parlamentari.
Hu rritorna lura fix-xena sportiva fl-2016 bħala assistant kowċ tat-tim nazzjonali Ukren, filwaqt li f’Lulju tal-istess sena ġie appuntat bħala l-kowċ tal-istess tim.