L-influencer kontroversjali Andrew Tate u ħuh Tristan m’għadhomx jinżammu arrestati f’darhom waqt li għadu għaddej il-każ kontrihom fejn ġew akkużati bi stupru, traffikar tal-bnedmin u li ffurmaw grupp ta’ kriminalità organizzata biex jisfruttaw lin-nisa sesswalment.
Huma ġew rilaxxati b’diversi kundizzjonijiet fosthom li issa jistgħu joħorġu mid-dar sal-kapitali Bukarest u d-distrett fejn jgħixu fir-Rumanija però jridu jinfurmaw lill-pulizija jekk se jkunu ħa jbiddlu l-indirizz tagħhom.
Huma ma jistgħux jikkuntattjaw bl-ebda mod liż-żewġ akkużati oħra u lanqas lill-vittmi.
L-Imħallef se jkun qed jerġa’ jevalwa dawn il-kundizzjonijet sittin ġurnata oħra.
L-aħwa Tate ġew arrestati għall-ewwel darba fid-dar tagħhom f’Bukarest fl-2022.
L-erba’ akkużati allegatament iffurmaw grupp kriminali organizzat fl-2021 biex iwettqu traffikar tal-bnedmin fir-Rumanija, u f’pajjiżi oħra fosthom l-Istati Uniti u r-Renju Unit. Mill-inqas seba’ vittmi allegatament tħaddmu mill-aħwa Tate permezz ta’ wegħdiet foloz ta’ mħabba u żwieġ.
Madankollu l-aħwa f’numru ta’ intervisti ċaħdu kategorikament l-akkużi miġjuba kontrihom u akkużaw lill-awtoritajiet b’kampanja kontrihom f’tentattiv li jostru l-ideat tagħhom li f’dawn l-aħħar snin kisbu attenzjoni kbira partikolament fuq il-mezzi soċjali.