Fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Andrew Mangion, mixli bil-qtil tal-eks mara tiegħu Eleanor Mangion Walker.
Il-psikjatra Joe Vella Baldacchino saħaq li wara li l-akkużat kien ġie arrestat, huwa ordna li jinżamm f’żona t’iżolament minħabba li aktarx l-akkużat kien se jwettaq suwiċidju.
“Kien imdejjaq bih innifsu, ħosbien u mbikkem”, spjega l-psikjatra wara li żar lill-akkużat hekk kif kien qed jinżamm fl-isptar Monte Karmeli.
Il-psikjatra żied jgħid li Andrew Mangion kien qed jinkwieta ferm għal bintu għax ma kellux idea f’idejn min kienet u wara li għaddiet kważi ġimgħa u waqaf jieħu l-mediċina, kien mentalment lest biex jiġi interrogat.
Xhieda oħra sostniet li t-tfittxija għall-vittma saret f’diversi postijiet oħra peress li l-imputat kien jaħdem bħala handyman u kellu diversi ċwievet li bihom kien jiftaħ diversi postijiet differenti.
Il-ġisem bla ħajja ta’ Eleanor Mangion Walker kien instab f’maħżen f’Ħal Qormi.