L-esponent ewlieni tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista, Andrew Borg Cardona, magħruf iżjed bħala ‘l-Boċċa’, instiga li jidher li waslu mill-ġdid is-snin tat-tmeninijiet fejn pajjiżna kien ikkaratterizzat minn terroriżmu politiku.
Fuq il-profil uffiċjali tiegħu ta’ Facebook, Borg Cardona fakkar li dak iż-żmien Malta qalet daqshekk lill-Partit Laburista biex inbidel il-Gvern.
Iżda b’elezzjoni ġenerali tliet snin ’il bogħod u kull stħarriġ tal-opinjoni pubblika baqa’ juri maġġoranza kbira favur il-Partit Laburista għal dawn l-aħħar 11-il sena u anke għall-Mexxej attwali tiegħu Robert Abela, hu ċar li l-instigazzjoni tal-‘Boċċa’ hi proprju għaż-żminijiet fejn il-poplu Malti għex fil-biża’, inkluż bl-użu tal-bombi mal-każini tal-Partit Laburista.
L-esponent tal-fazzjoni Simon Busuttil, li għal dawn l-aħħar snin baqgħet tiddomina fit-tmexxija tad-Dar Ċentrali wara li wkoll qaċċtet ’il barra lil Adrian Delia u floku poġġiet lil Bernard Grech, instiga dan proprju fl-istess jum li l-Partit Nazzjonalista ħareġ jattakka lill-Prim Ministru. Dan meta Robert Abela sostna li l-ġudikatura m’għandhiex tintuża bħala għodda politika, kif inhu xieraq f’kull demokrazija.
Inċidentalment ukoll din id-dikjarazzjoni tal-‘Boċċa’ waslet ukoll fl-istess żmien li qed ikomplu joħorġu fid-deher il-manuvri tal-establishment Nazzjonalista, inkluż bl-esponenti u l-aġenda ċara tal-għaqda Repubblika.
Din mhux l-ewwel darba li, fuq il-mezzi soċjali, Borg Cardona hedded jew tenna kliem dispreġjattiv fil-konfront tal-Partit Laburista u l-Laburisti.
Ftit tax-xhur biss ilu saħaq li l-4% li ma jafux jiktbu u jaqraw u li allura jammontaw għal madwar 20,000 persuna, huma Laburisti, biex b’hekk għajjarhom ilkoll illitterati.