L-esponent tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Andrew Borg-Cardona għajjar ġrieden lil dawk li qed jitilqu mill-Partit Nazzjonalista wara li Bernard Grech sar Kap.
Borg-Cardona talab li xi ħadd ifehmu għala dawk li jappoġġjaw lil Delia mhux jirrispettaw ir-riżultat tas-Sibt filgħaxija.
Qal li dawn in-nies kien misshom ilhom li telqu meta ssejjaħ vot f’elezzjoni għal Kap Nazzjonalista.
“Misshom telqu meta ssejjaħ vot ġdid aktar milli baqgħu jistennew biex jaraw jekk hux se jirbaħ”, qal Borg-Cardona lil dawk li jappoġġjaw lil Delia.
F’nofs Lulju, meta d-deputati ribelli kienu qed jisfiduċjaw lil Adrian Delia, Andrew-Borg Cardona kien għajjar lill-partitarji Nazzjonalisti ta’ Delia bħala Nazzjonalisti tat-tielet klassi.
F’kitba fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Borg-Cardona kien qal li mbagħad hemm dawk li jridu lil Delia jitlaq.
Dawn kien sejħilhom bħala Nazzjonalisti tal-ewwel klassi u nies li għandhom moħħ.
Dan il-kumment ta’ Borg Cardona, persuna li qatt m’aċċetta l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, ġab l-istmerrija ta’ bosta.
Intant Louise Tedesco hija fost lista ta’ nies li ilhom żmien twil jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista, li telqu mill-partit mal-ħatra ta’ Bernard Grech bħala Kap.
Fuq il-profil tagħha fuq Facebook, il-preżentatriċi li għal snin twal għamlet programmi fuq in-NET, qalet li nfurmat lis-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, li b’effett immedjat qed tirriżenja minn kull kariga fil-Partit Nazzjonalista, inkluż dik ta’ Kunsilliera fil-Kunsill Lokali tal-Ħamrun.
Qalet li ttemm ukoll ix-xogħol tagħha ma’ NET TV.
Ir-riżenja ta’ Tedesco ġiet wara li tliet Kunsilliera nisa Nazzjonalisti ddeċidew li wkoll iħallu l-partit u jirrappreżentaw il-lokalità bħala Kunsilliera indipendenti.
Dawn u attivisti oħrajn esprimew il-weġgħat tagħhom li l-establishment reġa’ ħa f’idejh ir-riedni tal-Partit Nazzjonalista.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/10/05/bil-filmat-andrew-borg-cardona-jghid-li-hemm-bzonn-jghajjar-lin-nies-1/