Waslet fi tmiema assemblea ġenerali mill-Assoċċjazzjoni Ewropea tal-Klabbs tal-futbol Ewropej f’pajjiżna, fejn fiha ġew diskussi proposti sabiex wara l-2024 jiġu ristrutturati kompetizzjonijiet Ewropej bħal-Uefa Champions League.
Dan bl-intenzjoni li tijieb l-istruttura ta’ dawn il-kompetizzjonijiet Ewropej sabiex isiru iktar inklussivi għal timijiet żgħar bl-għan aħħari jkun li titjieb il-kompettività kemm fil-livell lokali u kemm f’dak ewropew.
Preżenti għal din l-assemblea li saret f’San Ġiljan iċ-chairman ta’ Juventus u l-President tal-ECA Andrea Agnelli li tenna li dan huwa l-bidu ta’ proċess twil ta’ konsultazzjoni mal-klabbs u l-kampjonati kollha Ewropej sabiex ikun hemm qbil dwar kif għandu jsir dan it-tibdil.
Qal ukoll li f’dawn il-jumejn kien hemm qbil dwar dan il-proċess li ser ifassal il-futur ta’ klabbs madwar l-Ewopa filwaqt li saħaq li kulħadd irid jieħu pass lura u jqis is-sitwazzjoni Ewropea.
Preżenti wkoll għal din il-laqgħa kien hemm l-eks gowler ta’ Manchester United Edwin Van der Sar li qal li miljuni ta’ sapporters minn madwar id-dinja jsegwu l-kompetizzjonijiet Ewropej u hemm l-għatx għall-ismijiet u talenti ġodda fl-għola livelli.
Huwa tenna wkoll li l-flus mill-Uefa għandhom jinfirxu ma’ aktar pajjiżi u kampjonati filwaqt li tenna li f’dawn il-kompetizzjonijiet għandu jkun hemm parteċipazzjoni akbar ta’ klabbs Ewropej. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Ajax tkellem ukoll dwar l-aċċess li hemm bżonn biex il-klabbs tat-Tielet Diviżjoni fl-Ewropa, fosthom dawk Maltin, ikollhom iċ-ċans li jduqu l-futbol Ewropew