L-eku tal-ġlied fi ħdan il-Partit Nazzjonalista bejn il-fazzjoni tal-eks Kap Adrian Delia u l-fazzjoni tal-establishment li ddominat fl-aħħar ħames snin, reġa’ beda’ jinstema.
Dan wara r-riżultat elettorali tal-Ħadd l-għadda fejn il-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra ma ngħatax il-fiduċja mill-poplu Malti u Għawdxi, din id-darba bl-akbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Telfa li reġgħet bdiet tqajjem il-mewġ fi ħdan il-Partit ta’ Bernard Grech u bejn iż-żewġ fazzjonijiet ewlenin hekk kif bdew il-manuvri sabiex tiġi assigurata t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għall-ħames snin li ġejjin mill-fazzjonijiet rispettivi.
Fl-aħħar jiem Bernard Grech għamel bosta dikjarazzjonijiet li jindikaw kif se jkun qed jerġa’ jitlob il-konferma bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Mhux biss hu iżda anke l-esponenti tiegħu. Fosthom kien hemm Manuel Delia, blogger u eks Chief of Staff tal-Ministru Austin Gatt, magħruf għall-qrubija tiegħu mal-establishment li jmexxi lil Partit Nazzjonalista. Dan tal-aħħar fi blogs differenti ta palata lill-Grech minkejja li ġarrab l-akbar telfa elettorali, bl-iskop li jinżamm Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Ma’ Manuel Delia issa ngħaqad ukoll l-attivist ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Wayne Hewitt li qed jgħid kif Bernard Grech mexxa ’l quddiem lill-Partit Nazzjonalista għaliex naqqas id-distakk mill-predeċessur tiegħu Adrian Delia.
Hewitt innota kif Grech tilef b’aktar minn disgħa u tletin elf vot distakk filwaqt li Adrian Delia tilef b’distakk ta’ tnejn u erbgħin elf vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019. Hewitt b’hekk tenna li Bernard Grech irid jingħata l-fiduċja għal ħames snin oħra għaliex ma tilifx b’distakk daqs Delia.
Kien hawn fejn kompliet tisħon il-qiegħa, u li kompliet tikkonferma l-ġlied kbir fil-Partit Nazzjonalista hekk kif għal dawn id-dikjarazzjonijiet minn Wayne Hewitt irribatta André Grech, alleat ewlieni tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia u eks Kunsillier Nazzjonalista.
André Grech għamel referenza għal paraguni ta’ Hewitt fuq Bernard Grech u Adrian Delia u qal li meta tkun taħseb li l-Partit Nazzjonalista mess il-qiegħ, ikun fadal iżjed, kiteb Andr é Grech, b’referenza għal Wayne Hewitt.
André Grech kien irriżenja minn Kunsillier Nazzjonalista f’Ħal Balzan wara l-ġlied li nqala’ b’reazzjoni għall-attakk li fetħet Therese Comodini Cachia fuq il-kawża ta’ libell li fetaħ Adrian Delia kontra l-Lovin Malta. Is-sit li għandu kontroll enormi fuqu l-istrateġista ta’ Bernard Grech, Chris Peregin, li wkoll għadu ma nstema’ xejn fuqu wara t-telfa fl-elezzjoni ġenerali..
André Grech kien iddeskriva lill-Partit Nazzjonalista bħala l-Partit tal-haters meta kien irriżenja u ma felaħx iżjed għall-firda u l-mibegħda fil-Partit ta’ Bernard Grech.