Sħab soċjali differenti li jirrappreżentaw lil tar-ristoranti u l-lukandi rrimarkaw dwar l-andament pożittiv fl-attività fi żmien il-festi tal-Għid fis-settur tagħhom.
Dan għamluh f’kummenti ma’ ONE News ftit jiem wara l-festi tal-Għid.
Il-President tal-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering, l-ACE, Michelle Muscat, tkellmet dwar kif f’Jum l-Għid, ir-ristoranti kellhom ħafna xogħol.
Qalet, “Waqt il-ġurnata tal-Għid, ir-ristoranti kienu busy ħafna. Kelli feedback tajjeb ħafna mill-catering establishments, il-maġġoranza tagħhom, ważi kollha.”
Sostniet ukoll li dan l-andament mistenni jibqa’ jiġi sostnut anke fix-xhur sajfin.
Qalet, “Jekk nibqgħu sejrin kif aħna, bħalma konna fl-Għid – u jalla t-temp jirranġa, għax dakinhar tal-Għid għamlet dik il-ħalba xita qisha gerrxet ftit nies – però naħseb li għas-Sajf u għaż-żmien li ġej għandu jkun hemm xogħol tajjeb.”
Tal-istess fehma kien Andrew Agius Muscat, li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjon Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA. Agius Muscat sostna li dan l-andament imur id f’id mat-tbassir tal-MHRA għal din is-sena.
Qal, “Kif bassarna aktar kmieni din is-sena, aħna konna qed naraw li din is-sena se tkun waħda tajba. In-numri kienu juru li x’aktarx anke nilħqu n-numri li konnha lħaqna fl-2019, jiġifieri s-sena li fiha kellna r-records of all record years, biex nifthemu, jekk mhux ukoll naqbżuha. Issa dak kien tbassir. Mill-festi li għadna kif rajna, il-festi tal-Għid jidher li dak li konna qed ngħidu huwa minnu.”
Intant, Agius Muscat semma wkoll l-andament pożittiv fil-lukandi ta’ stilel differenti u anke boutique hotels madwar il-pajjiż, biex b’hekk qed ikompli jiġi nnutat tkabbir fis-settur turistiku, anke lil hinn mix-xhur sajfin.
Qal, “Rajna li l-lukandi, l-lukandi ta’ 5 stilel, 4 stilel, 3 stilel, dawk li jissejħu wkoll boutique hotels, kellhom occupation rates qawwijin ħafna.Dak jawgura tajjeb għax b’hekk tiġġenera ruħha l-ekonomija turistika.”