Analiżi mis-sit internazzjonali Euronews uriet li l-istudenti Maltin huma l-aktar li jgawdu minn benefiċċju f’pajjiżhom mill-kontinent kollu Ewropew.
Fl-istess ħin mhuma mgħobbijin bl-ebda piżijiet ta’ self, kontra studenti f’pajjiżi oħrajn, biex ikunu jistgħu jsegwu korsijiet Universitarji jew f’istituzzjonijiet edukattivi terzjarji oħrajn f’pajjiżhom stess.
Dawn il-korsijiet jinkludu Livell 5, dak ta’ Diploma, Livell 6 ta’ Baċċellerat, Livell 7 għall-Masters u Livell 8 għal Dottorat.
Minn din l-analiżi ħareġ li l-istudenti Maltin ma jħallsu l-ebda self fuq korsijiet edukattivi, hekk kif korsijiet li huma offruti f’Malta huma fil-maġġoranza assoluta tagħhom mingħajr ħlas.
Dan bil-kontra ta’ pajjiżi oħrajn, hekk kif fil-maġġoranza tal-pajjiżi fil-kontinent Ewropej, l-istudenti jridu jħallsu għall-korsijiet tagħhom u hu normali li jispiċċaw jieħdu self mill-banek biex jagħmlu dan. L-aktar korsijiet għoljin jinsabu fl-Ingilterra.
F’seba’ pajjiżi, inkluża Malta, il-maġġoranza tal-korsijiet f’istituzzjonijiet terzjarji ta’ edukazzjoni huma bla ħlas.
Minn din l-analiżi tal-Euronews jirriżulta wkoll li ħamsa u disgħin fil-mija tal-istudenti Maltin jirċievu benefiċċji, b’referenza għall-istipendju li wkoll kompla jissaħħaħ fl-aħħar snin. Hawnhekk ħareġ li fl-Ewropa kollha l-istudenti Maltin huma l-aktar li jirċievu stipendji jew benefiċċji biex ikomplu jistudjaw.
Taħt Gvern Laburista, l-istipendji żdiedu sena wara oħra, fosthom anke fil-baġit għal din is-sena fejn f’korsijiet partikolari se jgawdu iżjed ukoll. B’dan qed iwassal biex aktar studenti f’pajjiżna qed ikomplu jistudjaw.
Fil-fatt mill-istess sit internazzjonali ħareġ li Malta għandha t-tielet l-akbar rata ta’ gradwati li sabu xogħol minnufih fil-kontinent Ewropew. Dan hekk kif ir-rata ta’ Malta hi ta’ erbgħa u disgħin punt erbgħa fil-mija (94.4%).
Ir-rata ta’ pajjiżna kienet tiżboq ir-rata medja tal-Unjoni Ewropea, li hi ta’ kważi sebgħa u tmenin fil-mija, differenza ta’ kważi tmienja fil-mija.