Il-gazzetti lokali irrapportaw bi prominenza l-miżuri li spikkaw fil-Baġit għas-sena d-dieħla u ddeskrivewh bħala wieħed soċjalment ġust, kif proprju tixhed it-tema li ngħata, ‘Malta Ġusta’.
Bit-titlu “A socialist budget” fuq il-faċċata tagħha, it-Times of Malta elenkat siltiet mid-diskors tal-Ministru Clyde Caruana fil-Parlament, fejn fost l-oħrajn ikkwotatu jgħid li mhemm l-ebda pajjiż ieħor li għen bħal u daqs Malta.
Fl-istess paġna, it-Times iddedikat kolonna bl-aktar miżuri li jispikkaw – fosthom iż-żieda ta’ ħmistax-il ewro fil-ġimgħa għall-pensjonanti, iż-żieda fiċ-Children’s Allowance ta’ mitejn u ħamsin ewro għal kull wild, u s-sussidju ta’ tliet mija u għoxrin miljun ewro biex il-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels jinżammu stabbli.
F’paġni oħra fil-gazzetta, it-Times of Malta siltet aktar miżuri, fosthom l-inċentivi fiskali għal ħaddiema li jdumu aktar biex jirtiraw u ż-żieda ta’ elf ewro fl-għotja għall-carers.
Hawn it-Times ikkategorizzat faxex differenti fis-soċjetà kif se jkunu qed jintlaqtu – bħall-ħaddiema u l-ġenituri – u kif se jaffettwa t-titjib imħabbar f’setturi partikolari – bħat-trasport, is-saħħa u l-ambjent. Taħt kull sezzjoni elenkat il-miżuri differenti li kull persuna f’kull kategorija, se tgawdi minnhom.
Fl-editorjal tal-istess gazzetta, li wkoll iddeskriva l-baġit bħala wieħed soċjali, ġie nnotat kif il-baġit ġie ppreżentat fi żmien meta l-ekonomija Malta qed tiffaċċja sfidi kbar minħabba pressjonijiet internazzjonali.
F’dan il-kuntest, l-editorjal faħħar lill-Gvern li ppreżenta baġit li tefa’ ħarstu fuq dawk li l-aktar isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja.
F’edizzjoni speċjali tal-MaltaToday ukoll iddedikat paġni sħaħ biex telenka l-miżuri li se jgawdu minnhom kategoriji differenti ta’ nies fis-soċjetà, waqt li nnotat ukoll l-impenn tal-Gvern fil-baġit biex ikompli jiżviluppa spazji ħodor f’żoni urbani.
Innotat ukoll id-disa’ żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, li se tara lill-pensjonanti jirċievu seba’ mija u tmenin ewro aktar fis-sena.
Bi prominenza fuq il-faċċata tal-Independent ġie rrapportat kif il-baġit għas-sena d-dieħla se jwieżen lill-faxxi l-aktar baxxi fis-soċjetà.
Il-gazzetta semmiet l-aktar miżuri li mistennija jolqtu l-aktar nies, iżda nnotat ukoll miżuri oħrajn li jolqtu lill-ftit, iżda li mistennija jagħmlu differenza.
Fost l-oħrajn, l-Independent semmiet l-iskejjel primarji ġodda fl-Imsida u fil-Mellieħa, iż-żieda fl-istipendji għal ċertu korsijiet, u ż-żieda ta’ aktar mediċini fuq il-formularju tal-Gvern.
Bit-titlu “Budget bl-akbar nefqa soċjali” fuq il-faċċata, L-Orizzont għażel bosta miżuri soċjali li se jagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja tan-nies.
Issemmiet l-għajnuna fil-qasam tal-enerġija, fuels, ċereali u għalf għall-annimali, iż-żieda lill-pensjonanti u ċ-Children’s Allowance, u l-għexieren ta’ eluf ta’ familji li se jgawdu mit-tisħiħ fil-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA.
Il-gazzetta Nazzjonalista, In-Nazzjon, imbagħad, kienet iżolata fin-negattività, għax bil-kontra tal-bqija, skontha l-Baġit ma joffrix soluzzjonijiet.