Analiżi li saret b’reqqa kbira minn żewġ ġurnali indipendenti dwar is-salarji tal-membri tal-kabinett, ikkonfermat iswed fuq l-abjad l-allegazzjonijiet foloz u l-gideb tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
L-analiżi ppubblikata fil-ġurnal MaltaToday taħt it-titlu: Salary Storm:breakdown shows no rise in ministers’ pay turi iswed fuq l-abjad li s-salarji tal-membri fil-kabinett tal-Prim Ministru Joseph Muscat la żdiedu b’20,000 ewro u wisq aktar ma rduppjawx kif ħareġ jallega d-deputat tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi.
Fl-analiżi tagħhom, il-ġurnalisti indipendenti taż-żewġ gazzetti daħlu fid-dettall tas-salarji li ħadu l-membri tal-kabinett bejn l-2008 u l-2019.
Minnha joħroġ ċar li waqt li s-segretarji parlamentari fil-kabinett tal-ex Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi, inkluż Jason Azzopardi ħadu fl-2010 aktar minn 83 elf ewro fis-sena, is-sena li għaddiet is-segretarji parlamentari ħadu 22,000 ewro anqas.
L-analiżi mibnija fuq seba’ fatti tisħaq li għall-kuntrarju ta’ dak li seħħ fl-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista meta minn wara dahar kulħadd, il-membri tal-kabinett Nazzjonalista ħadu paga doppja, ħadd mill-membri fil-kabinett ta’ Muscat ma ħa l-onorarja li jirċievu d-deputati parlamentari.
Il-ġurnalisti tal-maltatoday jgħidu li wara l-elezzjoni tal-2013 it-tmexxija ta’ Muscat żammet mal-wegħda tagħha li l-ministri u s-segretarji parlamentari jieħdu biss is-salarju u dan għadu hekk sal-lum.
Dan kien imtenni fl-analiżi li għamlet The Times of Malta bil-ġurnalisti jistaqsu: Do cabinet members still earn an honorarium?
No, it was removed in March 2013 when Labour was elected to government.
Saħanistra mill-analiżi taż-żewġ gazzetti indipendennti joħroġ ukoll l-benefiċċju li huma intitolati għalih il-membri tal-kabinett naqas u mhux żdied taħt l-amministrazzjoni ta’ Muscat.
Fil-fatt jgħidu li dan il-benefiċċju ħa daqqa ’l isfel meta l-amministrazzjoni ta’ Muscat ħadet it-tmexxija tal-pajjiż.
Jinnotaw li dan il-benefiċċju naqas b’aktar minn 2,800 ewro fis-sena.
Fuq kollox jinnotaw li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għaffiġha bil-kbir meta ħareġ jallega b’mod żbaljat li salarji tal-membri tal-kabinett rduppjaw għax fir-realtà dawn mhux talli ma żdiedux iżda naqsu b’aktar minn 22,000 ewro.