F’analiżi li għamel tas-sentenza tal-Qorti tal-Appell, fil-Kawża li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fetaħ kontra l-Avukat tal-Istat u ppublikata fil-ġurnal Maltatoday, l-Avukat Carlos Bugeja qal li “Ikun ġust li wieħed jgħid, li din is-sentenza sfortunatament ġiet interpretata ħazin fil-biċċa l-kbira fid-diskors pubbliku, kemm dwar jekk l-Avukat tal-Istat għandux id-dmir jew is-setgha li jaġixxi, kif ukoll kontra min jista’ tittieħed tali azzjoni”.
Dan kien messaġġ ċar għall-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li wara li ngħatat sentenza ta’ 80 paġna mill-Qorti tal-Appell, mingħajr ma xtarra fid-dettal baqa’ ħiereġ il-barra mill-bini tal-Qorti jgħid li kien rebaħ.
Fl-analiżi legali tiegħu, Dr Bugeja qal li minħabba l-kumplessità tal-każ, l-implikazzjonijiet legali tas-sentenza ma nftehmux b’mod adegwat u l-aspetti ewlenin ġew injorati.
Huwa beda l-analiżi tiegħu billi spjega x’kien talab f’din il-kawża l-Kap tal-Oppożizzjoni, li fl-essenza kienet biex il-Qorti tistabbilixxi li l-Avukat tal-Istat kien awtorizzat jieħu azzjoni kontra ċerti individwi fil-kapaċità personali tagħhom.
Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat fil-biċċa l-kbira tas-sentenza tal-ewwel Qorti, li ċaħdet il-każ tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Qorti tal-Appell biddlet id-deċizjoni biex tiċċara li l-Avukat tal-Istat għandu limitatament is-setgħa, iżda mhux l-obbligu, li jaġixxi skont l-artikolu 33 tal-Att dwar l-Artijiet tal-Gvern, kontra min ikun irċieva l-art.
Dan ifisser fil-konfront ta’ Steward għax huma kienu irċievew l-art b’konċessjoni temporanja.
Wieħed tajjeb ifakkar li din l-azzjoni diġa ħadha l-Gvern bl-assistenza tal-istess Avukat tal-Istat fl-arbitraġġ internazzjonali kontra Steward.
Il-Qorti tal-Appell tgħid li mhux biss l-Avukat tal-Istat għandu s-setgħa, imma wkoll il-Membri Parlamentari.
F’dan ir-rigward l-Avukat Bugeja jirreferi għal messaġġ sottili imma kruċjali tal-Qorti tal-Appell biex il-partijiet b’awtorità simili taħt il-liġi, għalhekk il-Membri Parlamentari, iqisu r-raġunijiet li ta l-Avukat tal-Istat u għalhekk appellaw approċċ prudenti f’każijiet bħal dawn.
L-Avukat Bugeja għamel referenza għal dak li qalet il-Qorti tal-Appell, li l-Avukat tal-Istat m’għandux ikun soġġett għad-direzzjoni jew il-kontroll ta’ xi persuna jew awtorità oħra meta jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ dan it-tip.
F’dan il-kuntest wieħed ifakkar li l-Kap tal-Oppożizzjoni wara s-sentenza baqa’ ħiereġ jhedded personalment lill-Avukat tal-Istat, meta mal-media qal “If he doesn’t, the PN will hold him personally responsible for betraying the people”.
Din hija konferma oħra li jew il-Kap tal-Oppożizzjoni ma kien fehem xejn mis-sentenza, jew fehem u bl-aktar mod diżrispettuż għall-Qorti tal-Appell, ġie jaqa’ u jqum milli qaltlu bl-aktar mod ċar.