“Bil-ftehim dwar it-triq ’il quddiem fl-enerġija, l-Unjoni Ewropea qed twassal messaġġ li tipproteġi lill-familji u n-negozji Ewropej waqt il-kriżi tal-enerġija, li fost oħrajn splodiet ’il fuq il-prezz tal-gass għall-ġenerazzjoni tal-elettriku.”
Dan intqal mill-analista finanzjarju, Steve Ellul, f’intervista ma’ ONE News wara li seħħ dan il-qbil waqt is-Summit tal-Kunsill Ewropew, fi Brussell.
“Interessanti però huwa d-direzzjoni issa li l-Unjoni Ewropea qiegħda tieħu b’mod aktar effettiv, mix-xhur ta’ qabel, illi tipproteġi kemm jista’ jkun lin-nies u lin-negozji tagħha. Deċiżjoni li aħna f’pajjiżna ilna nieħdu għal numru ta’ xhur sa minn minndu faqqgħet din il-gwerra.”
Permezz ta’ dan il-ftehim, bejn il-mexxejja Ewropej qablu kemm dwar ix-xiri volontarju tal-gass b’mod konġunt, kif ukoll li jkun hemm qafas temporanju tal-Unjoni Ewropea għal limitu massimu fil-prezz tal-gass.
L-analista finanzjarju innota wkoll li dan il-ftehim fil-Kunsill Ewropew huwa ta’ vantaġġ għal pajjiżna, minħabba parti mill-ġenerazzjoni tal-elettriku f’pajjiżna ġejja mill-interconnector lejn Sqallija.
“Però Malta ħa tibbenefika xorta waħda jekk ikun hemm dan it-tip ta’ mekkaniżmu għax jonqos il-piż finanzjarju, allura fuq dak illi huma l-kotba tal-Gvern li effettivament iħallas hu, minflok jħallsu ċ-ċittadini u n-negozji Maltin għall-prezzijiet tal-gass aktar għoljin.”