Wara żewġ sekli, hawn aktar irġiel milli nisa f’pajjiżna, huwa maħsub li l-istess tendenza kienet ftit qabel l-Assedju l-Kbir fl-1565.
Dan ħareġ minn analiżi ddettaljata li għamlet u ppubblikat il-gazzetta KullĦadd.
Fil-fatt, rapporti storiċi li rat il-gazzetta, juru li malli l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann saret taf bil-pjan ta’ attakk mill-Ottomani, kienet eżiljat numru ta’ nisa u tfal biex ma jkunux ta’ xkiel fl-attakki.
L-akbar differenza bejn iż-żewġ sessi kienet fl-1957, fil-fatt minn popolazzjoni ta’ 319,620, 52.1 fil-mija kienu nisa u 47.9 fil-mija kienu rġiel. Jiġifieri, f’pajjiżna kien hawn 1,088 mara għal kull elf raġel.
Fl-istess sena kienet iddominat l-emigrazzjoni Maltija, bil-maġġoranza tan-nies ikunu rġiel li l-ewwel jemigraw waħedhom sakemm isibu saqajhom f’dinja ġdida.
Iżda, mill-1957 il-folja bdiet tinbidel, u d-distakk bejn iż-żewġ sessi beda jonqos.
Għalhekk fl-aħħar ċensiment, għall-ewwel darba, il-popolazzjoni Maltija wriet maġġoranza ta’ 52% ta’ rġiel, jiġifieri, 924 mara għal kull elf raġel.
Iż-żieda tal-irġiel mill-2011 ’l hawn kienet ta’ aktar minn 62,000 raġel jew 30.1 fil-mija, waqt li n-nisa żdiedu bi 18.9 fil-mija.
L-analiżi tal-gazzetta KullĦadd tmur lura fiż-żmien fejn fil-fatt tħares ukoll lejn ir-rata baxxa ta’ trabi subien li jgħixu.
Din kienet irrapportata sa mill-ewwel ċensiment tal-1842.
Din il-problema baqgħet tkaxkar sa qabel is-snin 20 tas-seklu li għadda.
Sa mindu beda jsir iċ-ċensiment f’pajjiżna, kien hemm biss sitt snin fejn ir-rata ta’ mwiet kienet aktar mit-twelid.
Dawn kienu instigati mill-pandemiji tal-kolera fl-1837, l-1847, l-1850, l-1865 u l-1874.
Din tal-aħħar, kienet waħda mill-agħar snin ta’ mard li laqat lil pajjiżna fejn hawnhekk iddomina wkoll il-ġidri. Ma’ dawn, fl-1942, li kienet l-aktar sena diffiċli tat-Tieni Gwerra Dinjija u bl-inqas riżorsi possibbli, Malta wkoll esperjenzat iżjed imwiet minn twelid.
Mard bħat-tuberkulożi u d-deni rqiq kienu wkoll fatturi ewlenin wara l-popolazzjoni baxxa fl-aħħar tas-seklu 19. Iżda, 50 sena wara, jiġifieri bejn l-1952 u l-1955 il-popolazzjoni żdiedet.