Nestor Alexander Haddaway, imwieled fid-9 ta’ Jannar 1965 fi Trinidad, huwa kantant Ġermaniż magħruf l-aktar għas-single tiegħu tal-1993 “What Is Love”, li laħqet in-numru 1 fi 13-il pajjiż.
Żgur li din id-diska tqanqal ħafna memorji.
Haddaway tkellem mal-preżentatur Renato Vella waqt il-programm Taħt l-Umbrella, hekk kif dan il-kantant se jerġa’ jżur pajjiżna għax-Xwejni Music Fest fil-21 ta’ Lulju.
Waqt il-programm li xxandar fuq ONE Radio, Haddaway spjega li beda l-karriera tiegħu jipprova jbiegħ is-single What Is Love lil diversi kumpaniji tal-mużika, iżda dawn jew ma ridux jafu biha, jew offrewlu ftit wisq biex jakkwistawha. Din l-esperjenza għallmitu lezzjoni importanti.
“If you are going to be anybody, never give up, stick to your guns and see yourself at a certain level or point in your life and take control.”
Haddway
Hawn irringrazzja lil Clive Jay, producer Amerikan, li fehem il-potenzjal ta’ Haddaway u għenu biex jikseb suċċess. Stqarr li għalkemm basar li kellu diska tajba biex tikklassifika mal-ewwel għaxra fiċ-charts Ewropej, ftit li xejn immaġina li kienet se ssir hit internazzjonali ta’ dak il-livell.
Li forsi mhux ħafna jafu hu li single oħra tiegħu What About Me kisbet suċċess ieħor kbir ħafna, speċjalment fis-swieq Ażjatiċi u r-Russja.
Haddaway stqarr ma’ Renato li d-diski tiegħu huma ispirati mid-dinja reali, mill-emozzjonijiet bejn il-maħbubin u mid-diversità li jara madwaru. Qal li jħoss li llum il-ġurnata, ħafna nies jipprovaw jippromwovu lilhom infushom daqs li kieku qed ibiegħu xi ħaġa, meta fil-verità, l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja hija li wieħed jgħix b’mod ġenwin u ma jiddejjaqx jesprimi lilu nnifsu.
X’jaħseb dwar Malta?
“An amazing melting pot of people – just beautiful!”
Haddaway
Haddaway żar pajjiżna 8 darbiet u kellu dgħajsa rreġistrata Malta. Semma b’nostalġija l-ammont ta’ serati li qatta’ hawnhekk u l-kultura għanja ta’ pajjiżna. Saħansittra qal li l-hena tiegħu jisma’ l-aċċenti differenti tal-Maltin.
Dwar il-kunċert tiegħu f’Għawdex, qal li l-Maltin u l-Għawdxin għandhom jistennew kunċert mimli enerġija u lirika.
“There is no such thing as a bad crowd, only bad entertainers,”
Haddaway