Il-President tar-Repubblika ħabret li l-priġunieri se jingħataw amnestija ta’ tletin jum kull wieħed.
Talba li l-Kabinett tal-Ministri approva wara talba tal-Papa Franġisku. Fil-preżenza tal-Arċisqof Charles Scicluna u l-Ministru tal-Intern, Carmelo Abela, Coleiro Preca qalet li l-Papa kitbilha u talabha din il-maħfra fi tmiem is-sena tal-ħniena.
Kien nhar id-29 ta’ Ottubru li l-Papa bagħat ittra lill-President fejn talab li f’għeluq is-Sena tal-Ħniena tkun ikkunsidrata maħfra lill-prigunieri. Fl-istess ittra spjega li hemm bżonn ġustizzja penali mhux biss punittiva imma li tagħti t-tama lill-priġuniera.
Il-President ta’ Malta bgħatet l-appell għall-maħfra lill-Kabinett tal-Ministri, li laqa’ t-talba.
Il-maħfra ta’ tletin jum se tingħata lil kull min preżentament qed jiskonta sentenza, qiegħed jistenna s-sentenza tingħata jew qiegħed jistenna li jinqata’ l-appell.
L-Arċisqof Irringrazzja lill-Kabinett li laqa’ t-talba tal-Papa u ta risposta pożittiva – qal li dan juri l-impenn li esperjenza korrettiva tkun ukoll waħda ta’ rijabilitazzjoni.
Il-Minsitru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela qal li l-Kabinett ħass li fid-dawl li Knisja Universali ddedikat sena lill-ħniena, il-Kabinett jimxi fuq dan l-eżempju u juru ħniena lil kulħadd. Il-ħidma tal-Gvern tul l-aħħar xhur dejjem kienet iffukata fuq ir-rijabilitazzjoni u biex Kordin tkun dejjem iktar faċilità korrettiva. Għalhekk hemm riżorsi allokati biex il-priġuniera jsiru persuni aħjar u riformati u jkunu lesti jidħlu lura fis-soċjetà.