Il-kuntrattur li ġie mqabbad biex jirkupra l-vapur qiegħed iniżżel fil-baħar apparat biex iżomm iż-żejt li ħareġ mill-basitment Hephaestus iktar kmieni illum.Uffiċjali ta’ Transport Malta u mill-ERA ilhom jissorveljaw il-bastiment minn mindu inkalja u qegħdin isegwu s-sitwazzjoni mill-qrib. Il-bastiment ma fihx żejt tqil u għaldaqstant m’hemmx riskju veru ta’ tniġġiż. L-ilma leħaq xaqq fil-qoxra u ammont ta’ diesel antik ħareġ mill-vapur. Għalkemm ir-roqgħa żejt tista’ tidher impressjonanti, m’hemmx lok għall-allarm minħabba li ż-żejt se jibqa’ fuq wiċċ l-ilma u se jevapora bil-mod.
L-erbgħa metri kubi ta’ fjuwil, li ssemmew f’rapporti oħra, baqgħu mhux mittiefsa. Il-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp sfortunatament qed jagħmluha impossibli li l-vapur jiġi irkuprat għalissa, madanakollu jekk it-tbassir tat-temp jibqa’ kif inhu, il-kuntrattur mistenni jibda jbattal iż-żjut li hemm fuq il-vapur għada.
Il-bastiment Hephaestus, tanker ta’ 60 metru rreġistrat fit-Togo, inkalja l-Qawra nhar il-Ħadd minħabba l-maltemp.