Fi tmiem il-ġimgħa li ġej fil-ġonna tal-buskett ser jitgħellu l-festi tradizzjonali tal-Imnarja. Il-festa tal-bdiewa u r-raħħala iżda li tiġbed ammont sabiħ ta’ nies ta’ kull sena. Fl-aħħar snin dan il-gvern ra li din il-festa jerġa jqajjimha wara li kienet qed tmut mewta naturali frott tan-nuqqas ta’ inizjattiva.
Is-Sinjura Ramona Borg, mis-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja Sajd u Drittijiet tal-Annimali qalet kif din is-sena hemm parteċipazzjoni rekord, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ wirjiet ta’ bhejjem, fniek tjur u frott u ħaxix, fejn mistennija tkun l-akbar festa li qatt ittellgħet. Apparti minn hekk saru diversi affarijiet ġodda bħal ġaġġeġ ewlenin li u anke’ f’diversi rkejjen fil-ġonna tal-Buskett.
Borg qalet li “għandna l-għana tal-kelma, fejn it-tfal jgħidu kelma u l-għannejja dak il-ħin jibdew jgħanu fuq dak li jridu t-tfal. Se jkollna wkoll logħob tradizzjonali u anke maġija annimata b’rabta mal-annimali. Ħa jkollna wkoll baqra mhux ta’ vera, b’kompetizzjoni ta’ kemm tinħeleb fl-anqas ħin.”
Apparti l-ikel tradizzjonali tas-soltu b’mod speċjali tal-fniek se jkun hemm bankarelli ġodda fejn se jkun hemm ukoll ikel innovativ magħmul mill-prodott lokali tal-bdiewa u r-raħħala. Kollox se jibda minn nhar il-Ġimgħa li ġej mill-17:30 ‘l quddiem b’diversi dimostrazzjonijiet tat-tgħassir tal-inbid. Ramona Borg spjegat li “se jkollna ‘judges’ minn barra fejn se jiġġudikaw t-tjur u kif ukoll ‘chef’ apposta biex wieħed jiġġudika l-prodotti tal-ikel bħal ‘paste’ tat-tadam u c-‘chilli’.”
L-Erbgħa filgħodu għamel żjara fil-Buskett is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, fejn segwa l-ħidma ta’ diversi ħaddiema tal-gvern fil-preparazzjonijiet għal din il-festa. Qal li dan il-gvern ħa ħsieb li din il-festa jerġa jtiha spinta ‘l quddiem biex jiġi esebit il-prodott lokali.
Camilleri temm jgħid li “amministrazzjoni oħra kienet telqet din il-festa flimkien mas-settur agrikolu kollhu. Għaldaqstant dan il-gvern ħass li jagħti spinta’ ‘l quddiem mhux biss fl-għajnuna finanzjarja u inċentivi lill-bdiewa, imma anke pjattaformi bħal dawn, fejn il-bdiewa jesebixxu l-prodotti tagħhom Maltin.”