Statistika tal-Eurostat tindika li fit-tielet kwart ta’ din is-sena pajjizna kellu l-akbar rata ta’ offerti ta’ xogħol mhux mimlija – job vacancies – minn fost il-pajjiżi kollha tal-UE.
Dan ifisser li minkejja li fl-ewwel tlett kwarti tal-2016 pajjizna kellu l-akbar rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fl-UE, xorta min iħaddem hawn Malta mhux qed jirniexxielu jsib ħaddiema biżejjed biex jimla l-postijiet kollha ta’ xogħol li hawn bħalissa. Skont il-Eurostat bħalissa hawn mal-5,500 job vacancy f’pajjizna.
F’Malta, l-employers għandhom vacancies ekwivalenti għal 3.3% tal-postijiet kollha tax-xogħol, jew kważi d-doppju tal-medja ta’ 1.8% madwar l-UE. Is-sena li għaddiet din ir-rata kienet ta’ 3.1% f’Malta kontra 1.5% fl-UE.
L-operaturi f’Malta, fil-qasam tal-manifattura u l-kostruzzjoni, skont l-Eurostat, qed ifittxu li jżidu l-impjiegi magħhom b’3.6%. Dan huwa ogħla mill-bżonn ta’ ħaddiema f’dawn is-setturi madwar l-Ewropa, li jilhaq 1.4%.
Fl-istess ħin l-operaturi f’Malta fil-qasam tas-servizzi għandhom vacancies ekwivalenti għal 3.4% tal-ammont ta’ ħaddiema li għandhom bżonn, aktar mid-domanda fil-bqija tal-UE, 2%.
L-ammont qawwi ta’ job vacancies qed jibqa’ minkejja li f’dawn l-aħħar xhur pajjiżna ra l-ammont ta’ nies jirreġistraw jaqa’ għal rekord storiku u ġiet irreġġistrata l-anqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi tal-UE.
Din hija konferma tat-tkabbir qawwi fl-ekonomija ta’ pajjiżna. L-ażjendi f’pajjiżna tant qed jikbru li mhux qed jirnexxielhom isibu ħaddiema biżżejjed u dan minkejja żieda fil-migrazzjoni ta’ ħaddiema Ewropej lejn pajjizna.