Madwar tnax-il terabyte ta’ informazzjoni relatata ma’ Darren Debono u Jeffrey Chetcuti ġiet ippreżentata fil-Qorti waqt il-kumpilazzjoni ta’ evidenza fil-konfront taż-żewġt irġiel.
Debono qed jiġi mixli bi traffikar ta’ fjuwil filwaqt li Chetcuti qed jiġi akkużat b’ħasil ta’ flus.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech xehed espert tat-teknoloġija li ħejja rapport dwar it-tagħmir elettroniku marbut ma’ dan il-każ.
L-espert eżamina numru ta’ laptops u iPads, tnejn u għoxrin mowbajl, tnejn u għoxrin memory card, diversi hard drives, kompjuters u servers li ammontaw għal tnax-il terabyte ta’ informazzjoni.
Darren Debono kien iddaħħal jaħdem bħala persuna ta’ fiduċja tal-eks Ministru Nazzjonalista u eks Kummissarju Ewropew Joe Borg filwaqt li Jeffrey Chetcuti kien anki għamel filmat li fih imbotta l-kandidatura ta’ David Casa fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.