Raġel ammetta li wettaq hold up f’ħanut fil-gżira b’riżultat li intbagħat sentejn ħabs.
Wara investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija, il-Ġimgħa, ir-raġel ġie arrestat. Huwa kien arrestat sigħat wara li seħħ il-każ, fl-Imsida.
Is-serqa seħħet minn ħanut fi Triq ix-Xatt, il-Gżira, għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu, meta r-raġel, armat b’sikkina, daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-kaxxier.
Il-ħalliel ħarab minn fuq il-post wara li seraq ammont ta’ flus kontanti.Il-kaxxier ma sofra ebda ġrieħi fis-serqa.
Ir-raġel bl-isem ta’ John Seabrook u li għandu 40 sena tressaq il-Qorti propju f’jum l-Għid. Il-Prosekuzzjoni spjegat li r-raġel, li huwa Malti madankollu mwieled l-Ingilterra ġie identifikat mill-kameras tas-sigurtà tal-ħanut.
Fil-fatt, quddiem il-Maġistrat Monica Vella ġie spjegat kif Seabrook kien arrestat l-isptar wara li lemħuh pulizija li kienu hemm fuq xogħol fejn qalilhom li seraq għax kellu l-ġuħ.
Mistoqsi x’iwieġeb għall-akkużi miġjuba kontrih, l-imputat ammetta li wettaq is-serqa b’hekk huwa ġie kkundannat sentejn ħabs u ħarġet ordni ta’ trattament minħabba vizzji li jbati minnhom.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brandon Bonnici mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Eman Hayman.