Travis Xuereb ta’ 31 sena minn Santa Venera ammetta fil-Qorti li ħalla nota u vażett mimli bil-ħaxixa quddiem id-dar tal-Kummissarju Ewropew Helena Dalli.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, intqal li l-akkużat ibati minn problemi kbar ta’ saħħa mentali u li għamel dan l-att, għax ħaseb li d-dar hi tal-boxer famuż Irlandiż Conor McGregor.
Xuereb ġie akkużat, fost l-oħrajn, li ttraffika d-droga kannabis, li kellu pussess aggravat tagħha u li daħal mingħajr permess fi proprjetà privata.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Stephen Gulia, Keith Rizzo u Paul Camilleri, xlietu wkoll li ffastidja lil xi persuni oħrajn onlajn bejn Frar tal-2023 u Awwissu li għadda, waqt li għamel użu ħażin mit-teknoloġija, kiser il-kundizzjonijiet tal-bail u sar riċediv.
Il-Pulizija spjegat li l-akkużat ġie arrestat f’daru wara li ntagħraf minn filmati ta’ kameras tas-sigurtà meta mar u poġġa l-vażett quddiem id-dar ta’ Dalli f’Marsaskala fil-31 ta’ Lulju.
Intqal li, waqt l-investigazzjonijiet, sar magħruf li Xuereb ibati minn saħħa mentali u għalhekk kien qed jieħu l-kura fl-Isptar Monte Carmeli. Wara li ġie arrestat hu reġa’ daħal jingħata l-kura u meta ġie rilaxxat mill-ġdid ħareġ l-arrest għalih.
Hawnhekk l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li Xuereb hu f’siktu biex jitressaq il-Qorti.
Id-difiża qalet kif l-akkużat ma kienx jaf li dik id-dar hi tal-familja Dalli u spjegat li Xuereb kien instab li hu skiżofreniku u għalhekk intalab biex il-Qorti tordna li l-imputat jiġi eżaminat qabel tingħata s-sentenza.
Il-Qorti ddifferiet l-każ għal data oħra biex ikun jista’ jsir dan.