Robert Dimech ta’ 48 sena minn Ħal Qormi ntbgħat 24 xahar ħabs wara li ammetta li wettaq numru ta’ serqiet madwar pajjiżna fl-aħħar xahar.
Huwa kien akkużat ukoll b’komplicità f’żewġ serqiet oħra u li laqa’ għandu oġġetti li kienu misruqa, li wettaq reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u li huwa riċediv.
L-Ispettur Kylie Borg spjegat li l-imputat ammetta l-akkużi waqt l-interrogazzjoni. Qalet li l-imputat qiegħed isostni familja u li m’għandiex diffikultà li tingħata sentenza sospiża oħra.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea nnutat li l-imputat kien sitt xhur ‘il bogħod milli jiskonta s-sentenza sospiża.
Fid-dawl ta’ dan, l-ammissjoni tal-imputat u s-sottomissjoni tal-prosekuzzjoni, il-Maġistrat ikkundannat lill-akkużat 24 xahar ħabs effettivi filwaqt li nbeda mill-ġdid perjodu ta’ 4 snin ta’ sentenza sospiża fuq il-każ separat kif ukoll dan il-każ.