Ftit tal-mument ilu, ambulanza sabet intopp hekk kif ma setgħetx tkompli bi triqitha malli sabet karozza pparkjata ftit pulzieri ’l barra mil-linja l-bajda. Hawnhekk ix-xufier ma setgħax jgħaddi minn fuq il-bankina għaliex hemm bollards imwaħħlin b’mod permanenti. Għaldaqstant kellu jirriversja t-triq kollha.
Il-każ seħħ fi Triq Trophimus f’Tas-Sliema u din mhux l-ewwel darba li seħħet. Wieħed mir-residenti, urtat għall-aħħar, irrakkonta magħna kif is-sena li għaddiet, fire engine ma setgħetx tkompli bil-vjaġġ tagħha mill-istess triq. Għal diversi drabi tkellem mal-Kunsill Lokali biex jitneħħew il-bollards minn fuq il-bankina minħabba n-natura tat-triq kif inhi, iżda l-appelli, s’issa, waqgħu fuq widnejn torox.