Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli fetħet mill-ġdid in-naħa ta’ fuq ta’ Ġnien San Filippu, fil-Furjana, wara li Ambjent Malta lestiet l-ewwel fażi tar-restawr ta’ dan l-ispazju miftuħ li jmur lura għas-seklu 17.
Ġnien San Filippu, li jinsab biswit il-Ġnien tal-Argotti, huwa wieħed minn katina ta’ ħames ġonna fil-Furjana li flimkien jiffurmaw il-Ġnien Botaniku Nazzjonali ta’ Malta, u li Ambjent Malta qed tirrestawra b’mod gradwali skont pjan fit-tul. Il-Ministru Dalli fetħet mill-ġdid in-naħa ta’ fuq ta’ Ġnien San Filippu, spazju miftuħ aħdar ta’ madwar 7,000 metru kwadru, flimkien mad-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta, Herman Galea, iċ-Chairperson tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Ġnien Botaniku Nazzjonali, Ray Azzopardi, u l-Kunsill Lokali tal-Furjana mmexxi mis-Sindku Vincent Borg.
Ix-xogħlijiet ta’ Ambjent Malta f’dan il-ġnien, b’investiment ta’ €1 miljun, kienu jinkludu restawr tas-swar tal-Kavallieri li jdawru l-ġnien, ir-restawr tal-polverista u r-restawr tal-Funtana ta’ Alof de Wignacourt li tmur lura għall-1622. Din il-funtana kienet oriġinarjament tinsab fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, iżda fi żmien l-Ingliżi ġiet trasferita fi Ġnien San Filippu.
Il-ħaddiema ta’ Ambjent Malta għaddew sistemi ġodda ta’ dwal u ta’ tisqija awtomatika minn taħt l-art, neħħew il-konkos li kien qed jiksi l-passaġġi u ksewhom b’pavimentar taż-żonqor filwaqt li waħħlu puġġamani ġodda.
Filwaqt li dan il-ġnien diġà kellu taħlita ta’ siġar u pjanti oħra li żdiedu matul is-snin, Ambjent Malta kompliet isseddaq il-bijodiversità tiegħu bit-tħawwil ta’ aktar minn 520 siġra li normalment jikbru f’abitati differenti tal-Mediterran, skont il-pjan tal-Ġnien Botaniku Nazzjonali.
Il-fażijiet ta’ xogħol li jmiss fi Ġnien San Filippu jinkludu r-restawr tal-entratura prinċipali, ir-restawr ta’ Sally Port li jgħaqqad il-parti ta’ fuq man-naħa ta’ isfel, interventi sabiex il-ġnien isir aċċessibbli għal kulħadd, flimkien ma’ iktar tħawwil ta’ siġar u ta’ pjanti, installazzjonijiet elettriċi, pavimentar u ħidma oħra.
Il-Ministru Miriam Dalli rringrazzjat lill-ħaddiema għax-xogħol li wettqu f’dan il-ġnien storiku u tenniet li l-proġett tal-ġonna botaniċi qed jagħti ħajja ġdida lil dawn il-postijiet ta’ rikreazzjoni fil-qalba tal-Furjana.
“Għaddejjin b’ħidma kontinwa biex inwettqu l-wegħda ewlenija ta’ dan il-gvern li niftħu aktar spazji miftuħa u rikreattivi, filwaqt li ntejbu dawk eżistenti biex ikunu aktar ħodor u aktar komdi għall-familji. F’dan il-ġnien nistgħu napprezzaw in-natura f’post bi storja ta’ mijiet ta’ snin, hekk kif ir-restawr ta’ Ambjent Malta qed jeżalta s-sbuħija arkitettonika tiegħu. Inħares ’il quddiem lejn it-tkomplija ta’ dan il-proġett estensiv li se jwassal biex pajjiżna jkollu l-Ġnien Botaniku Nazzjonali b’bijodiversità rikka, mifrux fuq ħames ġonna storiċi qrib xulxin,” qalet il-Ministru Dalli.
Preżenti għall-ftuħ ta’ din il-fażi ta’ Ġnien San Filippu kien hemm ukoll il-ħaddiema ta’ Ambjent Malta u l-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Ġnien Botaniku Nazzjonali.
Ġnien San Filippu jinsab miftuħ għall-pubbliku kuljum, mis-sitta ta’ filgħodu sat-tmienja ta’ filgħaxija bejn Lulju u Settembru, u mis-sitta ta’ filgħodu sal-ħamsa ta’ filgħaxija matul il-kumplament tas-sena. Għal iktar tagħrif segwi lil Ambjent Malta fuq Facebook u Instagram.