“Wara erbgħin sena nġennen l-ommi bl-inkwiet, grazzi għax-xogħlijiet li saru f’San Blas, qattajt l-isbaħ nofs ta’ nhar ta’ ħajti ma’ Ommi”.
Hekk iddikjara wieħed mir-residenti ta’ San Blas. Raġel t’erbgħin sena li qed isewgi l-programm ta’ rijabilitazzjoni tal-Caritas f’ambjent aktar modern u dinjituż.
Dan grazzi għal investiment mill-Fondazzjoni Marigold u l-Bank of Valletta, li sar fl-aħħar xhur fiċ-ċentru.
Minkejja li x-xogħlijiet saru minn ħaddiema tas-sengħa, ir-residenti flimkien mal-qraba tagħhom taw daqqa t’id fit-tindif tal-post.
“Speċjalment meta ġejna biex innaddfu. Sħabi mal-familja tagħhom. Jien f’erbgħin sena nġennen lill-ommi bl-inkwiet qattajna l-isbaħ mument fil-kċina li ma ninsa qatt.” Stqarr ir-resident f’San Blas.
Dan l-investiment ta’ dehra ġdida liċ-ċentru ta’ San Blas. Ċentru li nfetaħ tletin sena ilu u jmur lura għal żmien il-preżenza tal-forzi Brittaniċi f’Malta.
Tul iż-żminijiet ftit li xejn saru xogħlijiet kbar u għalhekk dawn ix-xogħlijiet kienu bżonnjuzi ħafna.
“Il-post ħafna welcome. Għandek l-atmosfera isbaħ tista’ tikteb ittra. Għandek iktar dinjità.” Kompla jgħid.
Bir-rinovar li sar, iċ-ċentru se jkun jista’ jilqa’ fih erbgħa u għoxrin resident.
Hemm ukoll kmamar tas-sodda li se jagħtu l-opportunità lir-residenti li jkunu avvanzaw fil-programm, biex jorqdu m’uliedhom fi tmiem il-ġimgħa.
Jonqos biss l-aħħar ftit xogħlijiet fil-Kappella u f’kamra oħra li tintuza għat-terapija mir-residenti.
Id-direttur tal-Caritas Anthony Gatt spjega kif issa ir-residenti għandhom ambjent aħjar li se jgħinhom fil-programm ta’ riabilitazzjoni.
“Għajnuna enormi. Għamilna transformazzjoni sħiħa. Dinjita aktar lir-resident. Bi kmamar b’en suite.” Saħaq id-direttur tal-Caritas.
Jennifer Xuereb mill-Fondazzjoni Marigold tkellmet dwar l-impenn tal-fondazzjoni li tgħin għaqdiet fil-ħidma tagħhom biex ikomplu jgħinu aktar nies.
“Aħna bħala marigold mhux biss ngħinu b’mod finanzjarju. Niġ hawnhekk ngħinu u nagħtu sapport. Niġu nitkellemu magħhom u naraw il-bzonnijiet tagħhom.” Ikkonkludiet Xuereb.
Dan il-proġett sar ukoll bl-għajnuna tal-Bank of Valletta, li wkoll jemmen li għandu jgħin għaqdiet bħal Caritas li jiddependu mill-ġenerozita tal-poplu malti.