Fil-ġranet li ġejjin se jibda x-xogħol fuq is-saqaf u t-twieqi tal-workshop prinċipali tad-Direttorat tal-Manifattura u s-Servizzi fil-qasam industrijali ta’ Kordin.
Dan tħabbar mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, li qal li x-xogħol se jsir b’investiment ta’ madwar €800,000 u mistenni jieħu madwar erba’ xhur biex jitlesta.
Permezz ta’ dan il-proġett, il-ħaddiema ta’ dan id-dipartiment se jkollhom post tax-xogħol aktar sigur.
Zrinzo Azzopardi saħaq fuq l-importanza ta’ xogħlijiet bħal dawn, li jiżguraw li ma jintilfux is-snajja’ u l-ħiliet ta’ dawn il-ħaddiema.
Qal, “Dan huwa investiment biex naraw li dan id-dipartiment ikompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu kif ukoll naraw li jkollna l-aqwa ambjent għall-ħaddiema li jaħdmu fih.”
Id-Direttur tal-Manifattura u s-Servizzi, Raymond Caruana, spjega kif dan il-proġett se jinkludi xogħol biex jinbidel is-saqaf tal-ħadid u jsir wieħed b’insulated sandwich panels, li se jkun maħdum b’mod li fuqu jitwaħħlu panelli fotovoltajċi. Barra minn hekk, se jinbidlu t-twieqi ma’ oħrajn ġodda li jinfetħu b’mod awtomatiku.
Spjega, “Barra minn hekk, apparti dan il-proġett, kull fażi li tkun lesta – mit-tibdil tas-saqaf u t-twieqi – qed naħsbu li internament, bl-electricians tagħna, nagħmlu sistema ġdida ta’ dawl biex il-post ikun imdawwal aħjar u l-ħaddiema jkunu jistgħu jaħdmu iżjed aħjar.”