Amber, il-kantanta Maltija magħrufa l-aktar għar-rapreżentazzjoni tagħha fil-“Eurovision Song Contest” tal-2015, se tkun l-artista magħżula li se tagħti prestazzjoni qabel il-kunċert tant mistenni ‘24k Magic World Tour’ ta’ Bruno Mars li se jsir f’Barclaycard Arena, Birmingham, fir-Renju Unit, nhar it-Tnejn 24 ta’ April.
Lejn l-aħħar tas-sena l-oħra, Amber nediet l-ewwel studio album tagħha bl-isem ta’ ‘Redemption’. Aktar ‘l quddiem matul din is-sena, Amber se tkun qed iżżur numru ta’ pajjiżi Ewropej sabiex tagħti kunċert tagħha stess. Sadanittant, Amber ħabbret li għandha hafna materjal preparat għall-album il-ġdid tagħha, kif ukoll li f’Novembru li gej se tkun qed tniedi l-ewwel single internazzjonali tagħha.
Fuq il-paġna ufficjali tagħha ta’ Facebook, Amber stqarret li tinsab ferm eċitata li ġiet magħżula bħala l-artista li se tagħti wirja mużikali waqt ix-show ta’ qabel il-kunċert ta’ l-artist ferm popolari Bruno Mars waqt it-tour li qiegħed jagħmel.
‘24K Magic World Tour’ beda ix-xahar li għadda f’Antwerp u se jkompli jdur madwar l-Ewropa qabel ma jmur l-Istati Uniti u l-Kanada.