Ambaxxaturi mis-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea approvaw b’mod unanimu l-ftehim kummerċjali għal wara l-perjodu tranżitorju ta’ Brexit bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, u għalhekk wittew it-triq biex dan il-ftehim jidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin.
Il-ftehim, li wasal wara disa’ xhur ta’ negozjati intensivi, huma mistenni li jgħaddi bħala liġi fl-1 ta’ Jannar. Nhar il-Erbgħa l-Parlament Ingliż huwa mistenni li japprova l-ftehim, iżda, l-Parlament Ewropew se jkun qed jivvota għal dan il-ftehim f’Jannar li ġej.
Minkejja dan, skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea, il-ftehim jista’ jidħol fis-seħħ b’mod proviżorju.
Il-Presidenza Ġermaniża qalet illi s-27 gvern tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed japprovaw bil-miktub il-ftehim, t-Tlieta fit-tlieta ta’ waranofsinhar.
Kull pajjiż kellu tliet ijiem biex janalizza d-dettalji ta’ dan il-ftehim. Madanakollu, il-membri kellhom ċans jaraw id-dokument, li fih aktar minn elf paġna, fil-ġimgħat li għaddew.