Waqt il-programm Paperscan imxandar il-Ħadd filgħodu fuq dan l-istazzjon, żewġ Ambaxxaturi Maltin f’pajjiżi fl-Ewropa taw stampa tas-sitwazzjoni preżenti tal-imxija f’dawn il-pajjiżi.
L-Ambaxxatur ta’ Malta għal Franza, Carmelo Inguanez innota l-kollass tas-sistema tas-saħħa Franċiża, hekk kif madwar il-pajjiż, qed ikollhom jiġu trasferiti pazjenti bejn sptar u ieħor.
Apparti minn hekk, Inguanez tkellem dwar it-tensjoni kbira minħabba biżgħat ta’ protesti hekk kif diversi stabbilimenti ilhom magħluqa minn Ottubru li għadda u r-restrizzjonijiet qed ikomplu jiżdiedu.
L-Ambaxxatur fi Franza rrefera għal rapporti fil-gazzetti Franċiżi fejn wieħed minn kull erba’ ħwienet li għalqu minħabba l-pandemija, għalqu għal dejjem.
Saħaq li n-negozji fi Franza qed jirċievu għajnuna iżda hija differenti minn dik ta’ Malta, għaliex fi Franza l-għajnuna hija mogħtija b’self.
Huwa stqarr: “Tajjeb li ngħidu li għalkemm il-Gvern Franċiż qed jagħti l-għajnuna tiegħu, din l-għajnuna hija limitata u fl-aħħar mill-aħħar mhux għajnuna bħal ma qed jagħti l-Gvern Malti. Hemm ċertu għajnuniet li l-Gvern Malti qed jagħti lill-intrapriżi mingħajr ma jroddu lura, hawnhekk trid trodd kollox lura lill-Gvern.”
Meta mistoqsi dwar il-programm ta’ tilqim fi Franza, Carmelo Inguanez innota x’qed jiġri fi Franza wkoll.
Huwa sostna: “Hawnhekk ir-rata għadha baxxa. Issa qabdu lit-tobba u l-ispiżjara u qalulhom li tistgħu tagħtu l-vaċċin però hawn problema wkoll ta’ distribuzzjoni.”
Fl-istess programm tkellem l-Ambaxxatur Malti għall-Italja, Carmel Vassallo stqarr li bħalissa l-Italja għaddejja minn sitwazzjoni diffiċli ħafna hekk kif minn nhar it-Tnejn se jidħol fis-seħħ lockdown ieħor.
Qal li wara żieda fil-każijiet ta’ persuni pożittivi għall-Coronavirus, ir-restrizzjonijiet huma ferm iżjed minn dawk li l-Italja diġà għaddiet minnhom.
Huwa qal, “Nhar il-Ġimgħa fil-kabinett tal-Ministri ttieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw prattikament il-parti l-kbira tal-Italja biex minn għada jerġa’ jkun hemm restrizzjonijiet iżjed milli kien hemm fl-aħħar xhur.”