L-Ambaxxatur il-ġdid tal-Iraq għal Malta, Saywan Sabir Mustafa Barzani, ippreżenta l-Ittri tal-Kredenzjali tiegħu lill-President ta’ Malta, George Vella, fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Il-President Vella qal li Malta tappoġġja lill-Iraq, li għaddej minn proċess ta’ bini mill-ġdid, u saħaq li jistgħu jiġu esplorati inizjattivi differenti sabiex jissaħħu r-rabtiet bilaterali.
Filwaqt li enfasizza l-appoġġ għall-għaqda, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq, il-President Vella ħeġġeġ lill-Iraq ikompli bil-proċess ta’ riforma politika u ekonomika bl-għan ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-komponenti etniċi u reliġjużi differenti fl-Iraq, inkluż fil-gruppi ta’ minoranza tiegħu, u biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-aspirazzjonijiet ġenwini taċ-ċittadini.
Min-naħa tiegħu, l-ambaxxatur Berzani wera l-apprezzament tal-Iraq lejn l-assistenza u l-appoġġ ta’ Malta u stqarr li l-poplu Iraqqin se jkompli jaħdem biex jegħleb l-effetti devastanti tal-okkupazzjoni mid-Daesh. Dan qed isir b’riformi mifruxa li għaddejjin bħalissa u l-appoġġ li wasal minn sħab internazzjonali, fosthom l-Unjoni Ewropea.
Finalment, l-ambaxxatur saħaq li, fil-qasam bilaterali s-saħħa, l-edukaxxjoni u l-kultura huma prijorità fil-ħidma tiegħu matul dan il-mandat.