Studenti li jsegwu korsijiet fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) rebħu l-IEEE Region 8 Robot Championships 2022.
Jean-Paul Bonavia, Gabriel Giordmaina, u Zack Farrugia bħalissa qed jattendu l-kors Bachelor of Engineering fl-Electronics and Control Engineering fi ħdan l-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport (IET). Huma iddisinjaw, bnew, ipprogrammaw u implimentaw robot jismu ‘Alpha Beetle’.
Il-kompetizzjoni kienet iebsa lill-MCAST, b’konkorrenza minn diversi istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u universitajiet minn Dubai, Ċipru, ir-Russja, it-Tuneżija u Malta. Minbarra l-MCAST, Malta pparteċipat ukoll permezz tal-Università ta’ Malta.
L-attività offriet opportunitajiet ta’ tagħlim reċiproku lil kulħadd. L-MCAST rebaħ erbgħa minn tmien premjijiet, kif ukoll il-premju ġenerali, li jpoġġi lill-istitut l-ewwel fost il-kompetituri kollha.
‘Alpha Beetle’ rebaħ ukoll premjijiet għall-aħjar disinn, l-aħjar dehra u branding, l-aħjar qawwa biex jimbotta, u l-aktar add-on effettiv.
L-avveniment kellu l-għan li jippromwovi x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika fost il-membri tal-IEEE, filwaqt li jħeġġeġ il-komunikazzjoni STEM, l-intraprenditorija, il-kreattività, is-soluzzjoni ta’ problemi, u l-ħidma f’tim.