X’se jiġri fil-jiem li ġejjin, issa li l-poplu tar-Renju Unit ivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea?
Mistenni jiltaqa’ l-kulleġġ tal-kummissarji
Għada l-Kummissjoni Ewropea se tlaqqa’ l-kulleġġ tal-kummissarji biex jiddiskutu u jniedu proċeduri li jagħmlu parti minn Artiklu ħamsin tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.
Dan wara li din il-ġimgħa, l-poplu tar-Renju Unit ivvota f’referendum u ddeċieda li l-pajjiż joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Artiklu ħamsin jgħid li kwalunkwe stat membru jista’ jiddeċiedi li joħroġ mill-Unjoni Ewropea skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali tal-pajjiż innifsu.
Dan filwaqt li l-membru stat li jiddeċiedi li joħroġ mill-Unjoni Ewropea għandu javża lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu.
Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim fis-sentejn li ġejjin, ir-Renju Unit ikollu joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.
Tul il-ġimgħa li ġejja se jiltaqa’ wkoll il-Kunsill Ewropew, mingħajr rappreżentanti għar-Renju Unit, u jeħtieġ li matulu jintlaħaq qbil unanimu dwar il-linji gwida għan-negozjati.
Imbagħad il-Kummissjoni tissotometti rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-bidu ta’ negozjati u li fihom tinnomina l-kap tat-tim ta’ negozjati tal-Unjoni Ewropea.
Il-ftehim innegozjat irid ikun adottat minn maġġoranza kwalifikata ta’ tnejn u sebgħin fil-mija tas-sebgħa u għoxrin stat membru tal-Unjoni Ewropea li jirrappreżentaw ħamsa u sittin fil-mija tal-popolazzjoni.
Il-ftehim finali irid ukoll ikun approvat mill-Parlament Ewropew, b’votazzjoni b’maġġoranza sempliċi.
B’hekk, għada jiltaqa’ l-kulleġġ tal-kummissarji biex jivvaluta s-sitwazzjoni u jipprepara għall-Kunsill Ewropew li mbagħad isir it-Tlieta u l-Erbgħa.