Ġew allokati ħamsa u għoxrin elf ewro biex żewġ persuni b’diżabilità jagħmlu d-Dottorat fl-istudju tad-Diżabilità. Il-fondi nħarġu mill-Programm PEKTUR fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta.
Kull student se jingħata għaxart elef ewro, u ħamest elef ewro u oħra se jintużaw għal aktar riċerka f’dan il-qasam.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-settur, Silvio Parnis, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-inizjattiva.
Huwa qal: “Ilum kien ta’ pjaċir għalija li ġewwa l-Università nkomplu nsaħħu dak li bdejna fejn il-persuni b’diżabilità, inkomplu naħdmu magħhom biex permezz tal-istudju ta’ PhD ikunu jistgħu jieħdu dan l-isponsor ta’ €10,000, għal kull persuna, għal żewġ persuni b’diżabilità biex ikomplu wkoll ir-riċerka fejn jidħlu wkoll il-persuni b’diżabilità.”
Il-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna spjega li l-Kummissjoni għandha obbligu li żżid l-għarfien dwar is-settur tad-diżabilità u dan kien wieħed mill-għanijiet ta’ din l-inizjattiva.
Huwa sostna: “Aħna bħala regolatur tas-settur tad-diżabilità obbligati wkoll li noħolqu u kemm jista’ jkun għarfien fis-settur tad-diżabilità li ġietna l-idea li noħolqu dawn iż-żewġ PhD scholarships kien il-fatt li mhux biss ikunu qed nagħtu l-possibbiltà ta’ aktar għarfien iżda qed nagħtu wkoll l-opportunità lill-persuni b’diżabilità li jkomplu jistudjaw, li jkomplu jagħmlu riċerka dwar is-settur tad-diżabilità.”
Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi stqarr li din il-fakultà qed taħdem ma’ entitajiet oħra biex tara l-persuni b’diżabilità jingħataw l-opportunità u l-esperjenzi li jixirqilhom.
Huwa spjega: “Qed naħdmu flimkien biex mhux biss intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità imma li nassiguraw li l-kwalità tal-ħajja hija għolja u li dak kollu li huma opportunitajiet, esperjenzi li persuni b’diżabilità jimerita li jkollhom, ikollhom.”
Ir-Rettur tal-Università l-Professur Alfred Vella qal li proġetti bħal dawn juru li l-Università hija kommessa li tifhem aħjar il-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità.
Prof. Vella qal: “Dan huwa proġett ieħor fejn l-Università qed turi l-commitment tagħha illi tifhem aħjar il-bżonnijiet ta’ nies b’diżabilità.”
Ritratt: UoM