Wara li fil-Baġit għall-2024 ġiet imħabbra allokazzjoni rekord għal Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Ġusta, ġie spjegat li għas-sena d-dieħla l-allokazzjoni għal dawn l-oqsma se tiżdied b’€95 miljun.
Fil-fatt, il-Ministru responsabbli minn dan il-qasam, Clifton Grima spjega li b’kollox fil-Baġit għall-2024, il-Gvern alloka investiment ta’ €910 miljun. Minn dawn il-Ministru Grima rrimarka li €888 miljun huma investiment fl-edukazzjoni u l-isport.
“Baġit illi jagħti ċertezza, Baġit li jagħti stabbiltà, Baġit li jħares lejn diversi aspetti li jikkonfermaw ħaġa waħda, kemm aħna nemmnu fil-futur ta’ uliedna u allura rridu ninvestu anka fil-preżent ta’ uliedna sabiex flimkien nassiguraw li hemm ir-riżorsi meħtieġa sabiex it-tfal tagħna jkollhom il-ħiliet neċessarji u jkunu suċċess fil-ħajja tagħhom”
Clifton Grima – Ministru
Intant fl-istess konferenza, il-Ministru Clifton Grima spjega kif se jkompli għaddej l-investiment fl-infrastruttura edukattiva, bir-rinnovar u modernizzar ta’ diversi skejjel madwar Malta u Għawdex, fosthom l-iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi.
Se jibdew ukoll il-fażijiet preliminarji ta’ xogħlijiet fuq skejjel Primarji ġodda fil-Mosta u fil-Mellieħa u fakkar f’diversi proġetti inawgurati fl-aħħar xhur.
Fakkar ukoll fit-tisħiħ tal-programmi ta’ scholarships u tax credits għall-istudenti li jinkludi l-Baġit għall-2024 fostho l-Allowance Speċjali ta’ €500 fis-sena għal tliet snin għal dawk li jkomplu l-edukazzjoni Post-Sekondarja sena u żieda għal sena oħra fl’stipendju tal-studenti. Dan apparti żieda fl-istipendji f’korsijiet partikolari li huma meqjusa ta’ prijorità.
Il-Ministru qal ukoll li fejn jidħol l-sport, wara sena importanti ferm, l-Gvern wera li ser jibqa’ kommess li jsaħħaħ dan is-settur. Semma fost l-oħrajn it-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul għal dawk impjegati fis-settur sportiv kif ukoll diversi proġetti li għaddej xogħol kontinwu fuqhom, inkluż l-indoor shooting range f’Ta’ Kandja u l-pitch tal-Waterpolo f’Marsascala.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjega kemm il-Gvern qiegħed jinvesti dejjem aktar fiż-żgħażagħ, fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sors ekonomiku b’saħħtu għas-snin li ġejjin.
“Il-Gvern jagħraf l-importanza tar-riċerka, li hija indispensabbli għall-innovazzjoni, jiġifieri dak il-proċess li jinħolqu prodotti, servizzi u proċessi ġodda jew saħansitra dawk eżistenti jiġu emiljorati. Kif kont qed ngħid huwa kruċjali r-riċerka u l-innovazzjoni għal diversi setturi oħrajn, mhux b’inqas għall-ekonomija, s-settur ambjentali , t-tibdil fil-klima, l-futur diġitali kif ukoll anka s-saħħa.”
Keith Azzopardi Tanti – Segretarju Parlamentari
Mil-latt ta’ riċerka ngħataw ukoll diversi fondi inkluż għall-ewwel darba fondi ta’ €800,000 favur riċerka fil-kanċer.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi enfasizza kemm il-Baġit kien wieħed pożittiv, anki għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, b’diversi benefiċċji li qegħdin ikompli jinċentivawhom biex itejbu l-edukazzjoni tagħhom filwaqt li jkollhom ħajja attiva f’pajjiżna.