Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, iddikjara li d-dekasteru tiegħu se jkun qed jopera b’allokazzjoni finanzjarja ta’ aktar minn biljun ewro s-sena d-dieħla, li jfisser 90 miljun ewro iżjed fuq din is-sena.
Waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji mill-Baġit 2025 għal dan id-dekasteru importanti, il-Ministru tenna li dan hu prova ċara kemm il-Gvern jinteressah minn uliedna u l-futur ta’ dan il-pajjiż, kontra kull retorika bażwija mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Filwaqt li rringrazzja lill-għalliema kollha li ta’ kuljum jqumu għall-ġurnata xogħol impenjattiva, Dr Grima tenna li, fl-edukazzjoni, il-Gvern se jkompli bil-ħidma bla waqfien tiegħu fl-investimenti fl-istituzzjonijiet u anke fl-għodda favur iżjed tagħlim mifrux.
Hawn hu ta ħarsa lejn ix-xogħlijiet li saru fuq binjiet edukattivi, bħal dawk f’Ħad-Dingli, Ħal Kirkop, il-Qawra, Wied il-Għajn u r-Rabat kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Ħabbar li, fi tmiem din il-ġimgħa, il-Gvern se jkun uffiċjalmet qed jinawgura xogħol estensiv li sar fuq l-iskola fl-Imsida.
Hu rrimarka wkoll dwar il-falzità f’dak li l-klikka ta’ Bernard Grech qed jgħidu li hi sanzjoni fuq l-għalliema biex ma jitkellmux fil-pubbliku, dan meta anke numru ta’ membri Parlamentari huma għalliema bi professjoni.
Kien hawn li ppreżenta ċirkolari mill-2008, fi żmien Gvern Nazzjonalista, fejn, simili għal dak li nħarġet ukoll din is-sena, hemm numru ta’ regoli li jikkonsistu fi proċeduri li għandhom jittieħdu biex għalliem ikun jista’ jitkellem mal-midja.
Kif diġà żvela ONE News fl-aħħar jiem, il-Ministru nnota kif l-istess ċirkolari tikxef l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista llum fl-Oppożizzjoni.
“Fejn din iċ-ċirkolari testwalment tfakkar li kull komunikazzjoni mal-midja, skont l-esponenti ta’ dak iż-żmien, għandha ssir permezz tad-direttorati kkonċernati. Fl-2008, edukatur, biex jitkellem mal-midja ried jgħaddi tramite d-direttorat responsabli.”
Hu wieġeb ukoll għall-kritika bla bażi tal-Oppożizzjoni dwar il-viżjoni tal-Gvern għall-edukazzjoni miġbura fi strateġija waħda, billi fakkar li qabel din ġiet ippubblikata saru mal-200 laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru, Keith Azzopardi Tanti, spjega kif dan il-baġit qed jixhed viżjoni ċara għal dak li jrid l-Gvern għal pajjiżna, baġit tan-nies li jagħraf il-bżonnijiet kollha.
Azzopardi Tanti kompla jgħid kif l-Aġenzija Żgħażagħ se tkun qed tibbenefika minn 40 fil-mija tal-finanzi biex ikunu jistgħu jkopru l-pagi tal-ħaddiema, li jagħmlu tant ġid. Minbarra dan, il-każini tal-banda u l-għaqdiet taż-żgħażagħ qed jibbenefikaw minn żieda ta’ iżjed minn nofs miljun ewro li, bihom, ġew implimentati numru ta’ proġetti.
Tenna li, fis-sena li ġejja, il-Gvern se jkun qed iżid l-allokazzjonijiet għar-riċerka u l-innovazzjoni b’żieda ta’ aktar minn tmin miljun ewro u żieda ta’ tliet miljun ewro oħra lill-entità Xjenza Malta. Dan flimkien ma’ investiment fi programmi tematiċi u ta’ riċerka internazzjonali.
“Jiena, allura, ninsab konvint li anke f’dawn is-setturi se jikkontribwixxu sew għal pajjiż ta’ kwalità, hekk kif inkomplu naħsdu r-riżultati tal-investiment konsistentament b’saħħtu u bla preċedent li qegħdin nagħmlu sena wara sena.”