Ftehim iffirmat bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, FSWS, se jwassa; għal programm ta’ taħriġ għal persuni li qed ifittxu impjieg.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fejn intqal kif b’dan il-ftehim, permezz tad-Direttorat tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali għal Għawdex, se jkun offrut programm ta’ taħriġ u ta’ integrazzjoni immirat biex isaħħaħ l-inklussività u l-għajxien indipendenti.
Dan jibni fuq programmi oħra offruti mid-Direttorat tal-FSWS għal Għawdex fil-komunità u f’ambjenti residenzjali. It-taħriġ għall-impjiegi u l-intraprenditorija huwa metodoloġija u sett ta’ għodod għat-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u l-aċċessibilità għas-suq tax-xogħol għal gruppi vulnerabbli. Din il-metodoloġija hija bbażata fuq taħriġ ta’ 36 xahar.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li għal dan l-għan, l-Ministeru għal Għawdex alloka s-somma ta’ €300,000 lill-FSWS għall-ewwel sena tat-taħriġ, jiġifieri fl-2021. Huwa qal li għalkemm għandna tkabbir ekonomiku u tnaqqis fil-livell tal-faqar, irridu nkomplu nagħtu importanza lill-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli. Semma li dan il-gvern qed jaħdem ħafna sabiex ikompli jtejjeb is-sistema edukattiva u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll joħloq opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li dan huwa eżempju ċar ta’ kif irridu nkomplu nħeġġu aktar żgħażagħ jemmnu aktar fihom infushom u permezz ta’ għajnuna bħal din ifittxu opportunitajiet ta’ xogħol. Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-programm ta’ taħriġ huwa eżempju ċar ta’ twettiq ta’ ġustizzja soċjali speċjalment ma’ persuni meqjusa vulnerabbli.
Ritratt: MSFC/MGOZ