Ghal snin twal l-Imqabbin ilmentaw dwar problemi tal-għarar. Kien għalhekk li l-Gvern alloka €2.2 miljun biex fost oħrajn tigi indirizatta din il-problema fl-Imqabba.
Dan se jkun qed isir billi jinbena ġibjun ġdid fin-naħa ta’ isfel tal-Imqabba filwaqt li se jsiru xogħlijiet fuq il-ġibjun eżistenti biex jibda jiffunzjona aħjar. Dan hekk kif fil-preżent dawk li joqogħdu fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija qed jispiċċaw bi triq mgħerrqa hekk kif il-ġibjun eżistenti mhux ilaħħaq mal-ilmijiet.
Se tkun qed issir ukoll sistema li se tkun qed twassal l-ilmijiet li jinġabru fil-pjazza u d-dawra tagħha f’ dawn il-ġibjuni fejn l-ilma se jiġi trattat. Bil-masterplan li se jkun maqsum fuq tliet fażijiet jinkludi ukoll tisbiħ tal-pjazza, fost oħrajn se jkun qed isir pavimentar madwar il-Knisja filwaqt li l-cables tad-dawl se jitneħħew u jitpoġġew taħt l-art.
Ix-xogħlijiet se jibdew f’ Ottubru bl-għan li ma jsirux fi żmien il-festi tal-lokal filwaqt li mhux se jkun hemm tibdil fis-sistema tat-traffiku. Il-Ministru Ian Borg sostna l-impenn tal-Gvern li jkun dejjem aktar viċin il-komunitajiet ta’ pajjiżna, u biex jaħdem id f’id mal-kunsilli lokali biex proġetti bħal dawn ikunu possibbli.