Il-gvern nieda fondi biex ikompli jgħin lis-santwarji tal-annimali billi jkompli jsaħħaħ l-Animal Welfare Fund. Fil-baġit tal-2019 il-gvern żied l-allokazzjoni għall-Baġit 2020 fl-Animal Welfare Fund għal €85,000. Fil-baġit għal din is-sena reġa’ alloka €85,000 u b’hekk qed isostni miżura elettorali oħra. Madanakollu l-gvern se jkun qed jagħti €115,680 lil 15-il NGO li nofshom ingħataw ilbieraħ. Hu prevvist li 30% oħra mill-€115,680 se jingħataw f’Mejju.
Għalkemm il-kuntratti oriġinali ffirmati jistipulaw li f’dan l-istadju se jingħata biss 50% tal-ammont totali tal-proġett, il-gvern ikkollabora mal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat biex jiġu emendati l-kuntratti u tkun tista’ tingħata 30% oħra f’ħsieb tad-diffikultajiet li l-NGOs qed jiffaċċjaw minħabba s-sitwazzjoni attwali tal-COVID-19.
Il-Ministru għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo żar is-santwarju AAA- Abandoned Animals Association, u enfasizza li “dan is-settur tal-Animal Welfare hu importanti ħafna, anzi hu prijorità għal dan il-ministeru. Bħala ministeru, flimkien mal-NGOs, qed naħdmu kontinwament b’mod assidju sabiex lil dawn l-annimali nagħtuhom l-attenzjoni u l-kura li jeħtieġu”.
Dawn huma għajnuniet li jingħataw lis-santwarji tal-annimali sabiex ikunu jistgħu jinvestu f’infrastruttura u fi proġetti ta’ natura kapitali bl-iskop li jtejbu l-faċilitajiet tas-sit tagħhom. Fost il-lista ta’ min ħa jibbenifika minn dawn il-fondi hemm santwarji u NGOs bħall-AAA – Abandoned Animals Association. B’hekk il-gvern jassigura li jagħti prijorità lill-ikbar ħbieb tal-bniedem. Il-viżjoni tal-gvern dejjem kienet li l-ħarsien tal-annimali jkun prijorità u hu kommess li jingħataw aktar fondi u skemi simili fil-futur.